– Jerome Caruana Cilia
Ekonomija ta’ suċċess hi waħda li jgawdi minnha kulħadd.
Hekk sostna x-Shadow Minister Nazzjonalista għall-Ekonomija Jerome Caruana Cilia waqt dibattitu parlamentari dwar l-estimi tal-Ministeru tal-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.
Fl-intervent tiegħu, id-deputat Nazzjonalista ta ħarsa dettaljata tal-andament tal-ekonomija internazzjonali u dik lokali, fejn iffoka fuq l-oqsma ta’ sfidi li qed jiltaqgħu magħhom il-familji Maltin u Għawdxin, quddiem ir-realtajiet ta’ pajjiżna tal-lum.
Hu spjega fid-dettall kif minkejja ċifri tal-Gvern jindikaw ekonomija li qed tikber, dan mhux qed jissarraf f’ġid tanġibbli għall-familji Maltin u Għawdex. Fakkar ukoll kif minkejja l-ftaħir tal-Gvern u s-suppost suċċess tal-ekonomija, aktar Maltin jinsabu f’riskju ta’ faqar, aktar qed ikollhom jaħdmu part-time jew tnejn biex ilaħħqu mal-ħajja filwaqt li għaż-żgħażagħ qed issir kull ma jmur aktar diffiċli biex jixtru dar għalihom.
Jerome Caruana Cilia rrimarka li huwa pożittiv li fost is-setturi li xprunaw it-tkabbir kien hemm l-industrija finanzjarja, il-gaming u l-manifattura, setturi mwellda minn Gvernijiet Nazzjonalista.
Ix-Shadow Minister Nazzjonalista tkellem fid-detall fuq l-għoli tal-ħajja, pjaga li taffettwa ta’ kuljum lill-familji f’pajjiżna, hekk kif ir-rata baqgħat teċċedi dik tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Economic Survey pubblikat mill-Gvern stess mal-Budget, ir-rata tal-għoli tal-ħajja, laħqet it-2.7% f’Awwissu, filwaqt li l-medja fuq 12-il xahar, kienet ta’ 2.3%.
Hu fakkar ukoll f’bosta proposta li ressaq fl-aħħar xhur il-Partit Nazzjonalista biex jiġġieled din l-isfida, fosthom li l-COLA ma tibqax tkun taxxabbli, proposti li dan il-Gvern irrifjuta li jimplimenta. Huwa xejjen il-ftaħir tal-Gvern li din hija ekonomija ġusta, f’sitwazzjoni fejn persons of trust mal-Ministri jitħallsu mal-150 ewro fis-siegħa u eluf oħrajn ikollhom jaħdmu żewġ impjiegi jew tlieta biex ilaħħqu mal-ħajja.
Jerome Caruana Cilia qal li l-Budget 2026 naqas milli jindirizza l-akbar kwistjonijiet li qed jaffettwaw lill-poplu Malti, fosthom mhux biss l-għoli tal-ħajja, iżda wkoll it-traffiku kull ħin tal-ġurnata, l-overpopolution bla ppjanar, il-kjuwijiet ma jaqtgħu qatt fl-isptar u n-nuqqasijiet ta’ għalliema u LSEs fl-iskejjel, fost ħafna oħrajn. Dan minkejja, li Robert Abela ddejjen iktar mill-Prim Ministri kollha ta’ qablu f’daqqa.
Hu tkellem ukoll dwar il-Viżjoni ta’ pajjiżna għall-2050, u qal li l-PN fil-jiem li ġejjin se jippreżenta l-ideat formali tiegħu dwar dan. Huwa appella biex din tkun Viżjoni aktar ambizzjuża u li dak li jitwiegħed, fil-fatt, jitwettaq.
Dwar l-impjiegi, Jerome Caruana Cilia spjega hawn madwar 10,000 persuna qed ifittxu x-xogħol.
“Għandna nibqgħu nistinkaw biex kull min jixtieq jaħdem ikollu impjieg, għaliex ix-xogħol huwa fundamentali f’realta fejn aktar u aktar familji qed jissieltu biex ilaħħqu. Iżda anke għaliex ħafna sidien ta’ negozji żgħar u kumpaniji mhux qed isibu ħaddiema u jkollhom iġibu aktar ħaddiema barranin”, kompla jgħid.
Jerome Caruana Cilia esprima t-tħassib tiegħu li dawn il-fatturi kollha qed joħolqu qtigħ il-qalb fost il-Maltin, tant li tliet kwarti tal-poplu Malti qalu li qed jistennew li ħajjithom, tibqa’ kif inhi jew tmur għall-agħar fil-ħames snin li ġejjin, skont stħarriġ tal-Eurobarometer.
F’dan il-kuntest, huwa elenka numru ta’ proposti tal-Partit Nazzjonalista, intiżi li jixprunaw kwalità tal-ħajja aħjar u tama liż-żgħażagħ. Dan jinkludi proposta ta’ l-ebda taxxa fuq l-ewwel €10,000 minn fuq il-part-time jew l-overtime, investiment aktar ambizzjuż fejn tidħol l-intelligenza artifiċjali, l-automation u r-robotika, fost l-oħrajn.
Dan barra investiment f’niċeċ ekonomiċi ġodda li joħolqu aktar impjiegi tajbin u mhux pagi baxxi.
Il-Partit Nazzjonalista qed joffri sens ta’ direzzjoni u qed joffri nifs ġdid fl-ekonomija tagħna u qed jerġa’ jagħti lin-nies il-kuraġġ u t-tama li l-kwalità tal-ħajja f’pajjizna tista’ titjieb u tkun ferm aħjar”, temm jgħid Jerome Caruana Cilia.


