Il-Gvern qed jibqa’ jigdeb dwar l-isptarijiet minkejja s-sentenza ċara tal-arbitraġġ li turi li ma rnexxilux iġib lura €488 miljun li talab mingħand Steward bħala kumpens, u tilef
Dalgħodu l-Parlament qed jiddibatti d-deċiżjoni tal-arbitraġġ fuq is-serqa tal-isptarijiet, wara li laqa’ t-talba li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ilbieraħ.
Alex Borg ilbieraħ ħabbar li kien se jinsisti li l-Kamra tad-Deputati tissospendi d-diskussjoni dwar l-estimi tal-Budget 2026 biex tiddiskuti s-sentenza tat-tribunal internazzjonali dwar id-deal tal-isptarijiet ma’ Steward b’urġenza. Dan biex il-poplu Malti u Għawdxi kollu jkun jaf il-fatt kif inhuma.
Id-dibattitu qed isir dalgħodu u se jkun qed jingħalaq b’diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-ħabta tal-11:30am.
It-talba tal-Oppożizzjoni għal dibattitu b’urġenza hija instigata mill-ħtieġa li l-Gvern jgħid il-verità lill-poplu Malti u Għawdxi wara din is-sentenza li qalet ċar u tond li l-vittmi f’dan kollu huma l-Maltin u l-Għawdxin.
L-għemil ta’ Robert Abela u sħabu tul din l-aħħar ġimgħa jqajjem iktar dubji milli ċertezzi dwar jekk verament hux qiegħed jaqbeż għall-interessi tal-poplu Malti.
Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom dritt ikunu jafu:
1. Kif l-ewwel qalulna li mhux veru li serquna €400 miljun imma issa sirna nafu li l-Gvern qabel ma’ dak li kienet qed tgħid l-Oppożizzjoni u talab lura €488 miljun mingħand Steward – talba li l-arbitraġġ ma aċċettax, u li allura turi li l-Gvern tilef?
2. Kif l-ewwel uża l-kawża ta’ Adrian Delia bħala bażi tad-difiża tiegħu quddiem it-tribunal biex jitlob lura dan il-kumpens, imbagħad ħareġ jgħid li tort ta’ Adrian Delia li ma ħadniex il-flus lura?
3. Hux veru li t-tribunal internazzjonali rrifjuta din it-talba minħabba kollużjoni bejn Steward u l-Gvern Malti – kif qalu l-Qrati Maltin?
4. Li t-tribunal irrifjuta wkoll it-talba ta’ Steward għal €158 miljun, u Malta mhux se tħallas din il-penali bis-saħħa tal-fatt li s-sentenzi tal-Qrati Maltin irrendew il-kuntratt u kull side agreement bħala nulli. Din it-talba kienet ibbażata fuq is-side agreement li ffirma b’mod sigriet Konrad Mizzi minn wara dahar il-Kabinett imma bl-appoġġ sħiħ ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri.
Fuq kollox, il-poplu Malti għandu dritt ikun jaf kif, bħala Prim Ministru, bi spin, b’abbuż tal-mezzi tal-informazzjoni tal-Gvern, Robert Abela wasal biex jiċċelebra deċiżjoni li fit-tieni paragrafu tagħha tgħid ċar u tond li l-poplu Malti u Għawdxi hu l-ikbar tellief f’dan kollu.
Il-Gvern jista’ jitqanżaħ kemm irid biex jipprova li gidba li ħoloq hu stess titwemmen.
Imma li jridu l-Maltin u l-Għawdxin hu li jieħdu lura dak li ħaqqhom. Iridu sistema tas-saħħa fejn jieħdu lura dak li ħallsu għalih. Iridu tliet sptarijiet ġodda kif kienu mwiegħda, u li sa issa għadhom fuq il-karta.
//= $special ?>

