Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ċaħdet rikors kostituzzjonali ta’ missier li sostna li t-tifla tiegħu ġiet imċaħħda mid-dritt għall-familja u l-edukazzjoni wara li ngħatat il-permess tgħix fiċ-Ċina ma’ ommha. Il-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali ċaħdet it-talba li ppreżenta il-missier li sostna li deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Familja — li ppermettew lit-tifla tiegħu tirritorna tgħix fiċ-Ċina u li ordnawh iħallas għall-iskola privata waqt li kienu għadhom għaddejjin il-proċeduri f’Malta – kisru d-drittijiet tagħhom għall-ħajja tal-familja u għall-edukazzjoni.
Il-każ inqala’ minn tilwima twila dwar il-kustodja bejn żewġ barranin li kienu jgħixu f’diversi pajjiżi matul ir-relazzjoni tagħhom. It-tifla twieldet fl-Istati Uniti, għexet għal snin fiċ-Ċina, u fl-2018 ġiet Malta flimkien ma’ missierha, f’vjaġġ li kellu jkun temporanju biex jiġu rranġati viżi skolastiċi għal studji fiċ-Ċina.
Meta t-tifla ma rritornatx kif kien miftiehem, l-omm irritornat Malta u fetħet kawża. Fl-2019, il-Qorti tal-Familja ċaħdet it-talba tal-omm li t-tifla kienet inħatfet, iżda fl-2020, f’każ separat, awtorizzat ir-rilokazzjoni tat-tifla lejn iċ-Ċina, u tat il-kura u l-kustodja lill-omm.
Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell fl-2021, li enfasizzat li t-tifla kellha ħajja stabbli, ambjent skolastiku u netwerks familjari fiċ-Ċina. Matul il-proċeduri, il-ġenituri kienu wkoll jikkontestaw fejn għandha tattendi l-iskola t-tifla waqt li kienet f’Malta.
Il-Qorti ordnat li tingħata edukazzjoni f’skola privata jew tal-Knisja, minħabba li ma kinitx taf bil-lingwa Maltija, u ordnat lill-missier jħallas il-miżati. Fil-kawża kostituzzjonali, il-missier sostna li l-ordni ta’ rilokazzjoni ġiegħlitu jitlef kull kuntatt effettiv mat-tifla, bi ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u li d-deċiżjoni dwar l-iskola kisret id-dritt tat-tifla għall-edukazzjoni u iddiskriminatha fuq il-bażi tal-lingwa.
L-Avukat tal-Istat u l-omm ikkontestaw ir-rikors, sostnew li proċeduri kostituzzjonali ma jistgħux jintużaw bħala appell minn deċiżjonijiet tal-qrati ordinarji, u li l-qrati kienu dejjem aġixxew fl-aħjar interess tat-tifla. Żiedu jgħidu li l-missier ma setax iressaq talbiet għad-drittijiet tat-tifla mingħajr ma jkun maħtur bħala kuratur biex jirrappreżentaha formalment fil-kawża.
Il-Qorti laqgħet din l-eċċezzjoni preliminari, u qalet li billi l-kustodja kienet diġà f’idejn l-omm, il-missier kellu jitlob formalment il-ħatra ta’ kuratur jekk ried jinvoka d-drittijiet tat-tifla f’ismu. Peress li dan ma seħħx, il-Qorti astjeniet milli teżamina dawk it-talbiet, iżda osservat li d-deċiżjonijiet dwar l-edukazzjoni kienu segwew il-proċeduri normali u ma kinux diskriminatorji.
Rigward il-ksur allegat tal-Artikolu 8, il-Qorti qalet li ma kienx hemm ksur. Il-qrati ordinarji kienu eżerċitaw diskrezzjoni ġudizzjarja u taw prijorità l-aħjar interessi tat-tifla, partikolarment l-istabbiltà tagħha fiċ-Ċina. Il-Qorti rrimarkat ukoll li deċiżjonijiet tal-missier innifsu, bħall-fatt li żamm lit-tifla f’Malta kontra l-ftehim u li bagħatha għand qraba barra minn Malta, kienu kontribwew għas-sitwazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni finali.
Il-Qorti enfasizzat li għalkemm separazzjoni bejn ġenitur u wild dejjem tkun diffiċli, il-qrati kienu assiguraw kuntatt sorveljat f’Malta u aċċess remot wara li t-tifla rritornat fiċ-Ċina. L-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ infurzar bilaterali bejn Malta u ċ-Ċina ma kinitx tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali. Il-Qorti għaldaqstant ċaħdet it-talba u ordnat l-ispejjeż kontra r-rikorrent.
//= $special ?>

