Il-UĦM Voice of the Workers u l-General Workers Union qablu li l-mekkaniżmu tal-COLA għandu jiġi aġġornat.
Apparti minn hekk, fil-gazzetta Illum intqal li l-għajnuna tal-għoli tal-ħajja, li oriġinarjament kienet ġiet introdotta biex tgħin lill-ħaddiema jikkumbattu l-inflazzjoni, m’għandiex tibqa’ tiġi intaxxata. Il-UĦM faħħret lill-Partit Nazzjonalista li qed jimbotta ‘l quddiem din il-proposta, iżda wriet diżappunt lejn il-Gvern li ma laqax din il-proposta minħabba li qed jagħmel biss konsiderazzjonijiet ta’ voti.
Minn naħa tagħhom il-GWU qalu li żieda ta’ €4.66 fil-ġimgħa li ngħatat fil-Budget mhix biżżejjed. U li diġa’ bdew id-diskussjonijiet biex tiġi aġġornata l-formola użata biex tiġi kkalkulata l-COLA, u li dawn id-diskussjonijiet għandhom isiru fl-MCSD.
Il-unions proponew ukoll li jkun hemm tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri, fejn għamlu referenza għall-fatt li meta l-ommijiet jiddeċiedu li jaħdmu bir-reduced hours biex jieħdu ħsieb lit-tfal, huma jispiċċaw jitħallsu pro-rata… u kawża ta’ dan, huma jistgħu jibqgħu jħossu l-effetti sakemm joħorġu bil-pensjoni.
Intqal ukoll li minkejja li l-Budget tal-2026 se jgħin lill-familji, l-effetti se jieħdu snin twal sakemm verament jinħassu.
Apparti minn hekk, issemma’ l-mudell tal-four day work week li l-Partit Nazzjonalista jixtieq li ssir diskussjoni dwaru.
Il-unions ipproponew li minflok il-ġurnata tax-xogħol tkun tmien sigħat fuq ħamest ijiem, tkun għaxar sigħat fuq erbat ijiem. Huma qalu li għandu jkun hemm studju u proġett pilota fis-settur pubbliku u fis-settur privat sabiex jiġi assessjat l-impatt ta’ din il-miżura… li f’pajjiżi oħrajn fejn diġa’ qed isseħħ, din kienet ta’ suċċess hekk kif il-produttivita’ ma naqsitx.
//= $special ?>

