Lokali Qorti

Immultat €2,330 wara li saq mingħajr liċenzja u kkaġuna ħabta li fiha anzjana spiċċat feruta

Raġel ta’ 25 sena ġie mmultat €2,330 wara li instab ħati li saq mingħajr liċenzja u assigurazzjoni u kkaġuna ħabta li fiha anzjana spiċċat feruta f’inċident ġewwa tas-Sliema. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ikkundannat lil Liam Mifsud,, residenti l-Pietà, għal multa ta’ €2,330, tnaqqis ta’ 10 punti mil-liċenzja tas-sewqan tiegħu u sospensjoni tal-liċenzji kollha għal sena, wara li nstab ħati ta’ diversi reati relatati mas-sewqan bla liċenzja u bla assigurazzjoni.

Il-każ imur lura għal 11 ta’ Novembru 2020, meta Mifsud kien qed isuq vettura Chevrolet fi Triq il-Freres, Tas-Sliema, meta ġara inċident li fih Agostina Camilleri sofriet ġrieħi gravi. Minn xhieda li nstemgħet quddiem il-Qorti, instab li l-imputat kien qed irreġġa’ lura l-karozza meta laqat lil Camilleri, li kienet qed idaħħal xi xiri fil-karozza tagħha.

Camilleri qalet li l-akkużat kien niżel b’mod traskurat “wrong side” tat-triq, u li meta rriversja, “kissirni saqajja, saritli bringiela”, filwaqt li żiedet li pprova jitlaq minn fuq il-post qabel ma waslu l-pulizija u t-tabib. Hija kellha bżonn kura medika u qalet li baqgħet tbati mill-‘injury’ għal diversi xhur.

Minn affidavit ippreżentat minn Transport Malta rriżulta li l-liċenzja tas-sewqan ta’ Mifsud kienet revokata mill-18 ta’ Ottubru 2019, u l-imputat ma pprovdiex prova li kellu polza ta’ assigurazzjoni valida fil-ħin tal-inċident.

Il-Qorti, filwaqt li sabitu ħati ta’ sewqan bla liċenzja, bla assigurazzjoni u b’mod traskurat, illiberatu mill-akkuża li kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-mara, billi ma ntlaħaqx il-livell ta’ prova meħtieġ biex tiġi ppruvata lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Il-każ kien investigat mill-Ispettur Sandro Mangion, waqt li xehdu wkoll uffiċjali ta’ Transport Malta u uffiċjal minn Mapfre Middlesea dwar il-kundizzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-vettura. Finalment il-Qorti minbarra l-multa ta’ €2,330 u t-tnaqqis ta’ 10 punti mil-liċenzja tas-sewqan ordnat sospensjoni ta’ sena mil-liċenzji kollha tas-sewqan

Il-Qorti qalet li l-imputat wera nuqqas ta’ responsabbiltà serja billi saq bla permess u b’mod li poġġa f’riskju s-sigurtà ta’ ħaddieħor, speċjalment meta kien diġà skwalifikat milli jsuq.