Raġel ta’ 37 sena li jgħix Ħal Qormi kien immultat €2,900 wara li nstab ħati li saq bla liċenzja u kien involut f’inċident mal-karozza li kienet qed tintuża mill-Ministru Silvio Schembri. Liam Francis Manuel Cardona Moreno kien mixli li fis-26 ta’ Settembru 2023, f’Ta’ Xbiex, saq bla liċenzja tas-sewqan u bla polza tal-assigurazzjoni, kif ukoll li sawwa b’traskuraġni, b’mod perikoluż u bla kont.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga wara rapport dwar ħabta li seħħet fi Triq ix-Xatt, Ta’ Xbiex. Meta marru fuq il-post, sabu lix-xufier tal-karozza tal-Ministru Schembri, li qalilhom li vettura kienet daħlet fihom minn wara. Meta l-Pulizija kellmu lill-Ministru Schembri fuq il-mobile tax-xufier, dan qalilhom li għalkemm ħass skoss bid-daqqa, ma kellux bżonn jmur l-isptar.
L-akkużat spjega lill-Pulizija li kien għadu kemm xtara l-karozza u kien fi triqtu biex jagħmel il-polza tal-assigurazzjoni. Qal ukoll li daħlitlu farka f’għajnejh u sakemm għorokha, il-karozza ta’ quddiemu waqfet u baqa’ dieħel fiha.
Il-Ministru Schembri u x-xufier tiegħu kienu fost ix-xhieda li kkonfermaw li l-karozza tal-akkużat daħlet fil-vettura tagħhom. Il-Maġistrat Victor Axiak sab lil Cardona Moreno ħati tal-akkużi kollha ħlief ta’ sewqan bla kont u perikoluż, u sostna li ma kienx attent meta baqa’ dieħel fil-karozza ta’ quddiemu.
Il-Qorti għalhekk mmultat lill-akkużat €2,900 u skwalifikatu milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal 13-il xahar. Il-każ kien investigat mill-Ispettur Rachel Aquilina.
//= $special ?>

