Ivan J.Bartolo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ivan J.Bartolo qal fil-parlament li l-inizjattiva ta’ chatgpt b’xejn għandha ssir wara ħsieb u taħriġ profond.
Ivan J.Bartolo tratta l-proposta tac-chatgpt fejn se tingħata liċenzja b’xejn u minkejja li qabel magħha qal li hemm diversi kwistjonijiet trattati magħhom. Hu sostna li fil-ħajja xejn mhu b’xejn u żied li kull ċittadin għandu jaħseb. Dwar l-ekonomija, Ivan J.Bartolo sostna li minkejja li din qed tikber iżda għandu jkun ikunsidrat il-prezz ta’ dan fuq il-kwalità ta’ ħajja tan-nies fosthom fuq l-impatt tal-kwalità tal-ħajja u l-ambjent. Ekonomija fl-ammont ta’ €23 biljun hu tajjeb iżda hu ħażin li mhux issir diskussjoni dwar l-impatt negattiv ta’ dan kollu.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern qal li min jattendi għat-taħriġ se jingħata liċenzja b’xejn ta’ chatgpt. Din hi proposta tajba iżda jekk it-taħriġ mhux se jkun tajjeb, se jkun hemm problemi kbar għaliex l-AI jista’ jkun perikoluż minkejja li hu tajjeb.
Ivan J.Bartolo qal li l-ewwel li jrid isir hu li jkun hemm taħriġ fl-etika diġitali u żied li llum diġà hemm problemi għal ċertu persuni minħabba l-aspett tal-media soċjali. Id-deputat Nazzjonalista qal li għandu jkun hemm ħsieb kritiku qabel ikun hemm l-użu taċ-chatgpt. Id-diskussjoni għandha tkun x’tip ta’ kors għandu jingħata u min se jagħti dan il-kors.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li n-nies għandhom ikunu edukati qabel jingħataw din l-għodda biex din l-inizjattiva ma tkunx negattiva iżda pożittiva.
//= $special ?>

