Lokali

Mixli li hedded lill-ġirien tiegħu waqt stat ta’ sakra

Raġel ta’ 58 sena, Raymond Joseph Xuereb, residenti l-Mellieħa, tressaq il-Qorti akkużat li hedded u insulenta lill-ġirien tiegħu, koppja li għandhom żewġt itfal żgħar, u li kkawżalhom biża’ li seta’ juża vjolenza kontrihom.

Il-każ seħħ wara li, skont il-prosekuzzjoni, nhar is-Sibt għall-ħabta tas-4.45 ta’ wara nofsinhar, il-koppja ġiet mhedda mill-akkużat li kien f’stat ta’ sakra u li allegatament ppriva jmur għalihom b’sikkina lejn ir-residenza tagħhom.

L-allegati vittmi qalu lill-Pulizija li din kienet it-tieni darba fi tmiem il-ġimgħa, peress li xenarju simili seħħ il-Ġimgħa. Huma sostnew li ma jafux għalfejn Xuereb ried iweġġagħhom, iżda minħabba t-tensjoni tal-aħħar jiem saħansitra kienu qed jikkunsidraw li jqattgħu l-lejl f’lukanda biex jevitaw kuntatt miegħu.

L-Ispettur Mizzi li ressaq lill-akkużat qal li l-Pulizija ħadu l-isptar lill-akkużat biex jingħata kura, fejn qatta’ lejl taħt osservazzjoni medika. Fil-Qorti, l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Id-difiża talbet ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi għad hemm xhieda li jridu jixhdu, fosthom il-vittmi, u għaliex l-akkużat għandu storja ta’ problema serja bl-alkoħol.

L-Ispettur qal ukoll li l-akkużat joqgħod f’terran taħt l-istess binja fejn toqgħod il-koppja, għalhekk hemm riskju ta’ kuntatt dirett. Id-difiża argumentat li l-akkużat għadu preżunt innoċenti u li hu wkoll kien għamel rapport kontra l-ġirien tiegħu.

Żiedet li l-problema tal-alkoħol ma għandhiex tkun ostaklu biex jingħata ċans ta’ riabilitazzjoni u għajnuna, mhux ta’ priġunerija. Fil-fatt, ġie spjegat li l-akkużat għandu appuntament mal-Aġenzija Sedqa nhar l-Erbgħa biex jibda trattament għal din id-dipendenza.

Il-Maġistrat Noel Bartolo ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, minħabba li għad hemm xhieda pendenti. Madankollu, irrakkomanda lill-Forensic Unit sabiex l-akkużat jinżamm hemmhekk u jingħata l-għajnuna kollha neċessarja għall-problema tal-alkoħol tiegħu.

Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din ir-rakkomandazzjoni, u saħqet li t-trattament jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-imputat u jnaqqas ir-riskju ta’ episodji simili fil-futur. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Italo Mizzi, filwaqt li l-Avukat Julia Micallef Stafrace dehret għall-akkużat.