Lokali

Reazzjonijiet pożittivi għad-diskors li wassal Alex Borg għall-Budget

L-ewwel test reali ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista kien ġimgħa ilu fil-Parlament, hekk kif wassal id-diskors tiegħu għall-Budget – fejn Alex Borg preżenta l-viżjoni alternattiva tal-Partit Nazzjonalista għall-pajjiż, billi wassal 50 proposta; fosthom dwar it-twaqqif tan-National Child Trust Fund u li jkollna sistema ta’ trasport tal-massa.

It-Times tkellmet ma’ numru ta’ analisti politiċi li lkoll taw l-opinjoni tagħhom dwar id-diskors li wassal Alex Borg.

Chris Peregin, li għal xi żmien serva bħala Campaign Manager tal-PN, saħaq li l-messaġġ ta’ Alex Borg kien konvinċenti ħafna. U hu jidher aktar komdu milli Joseph Muscat qatt kien – tant li irnexxielu jipproġetta “tħassib ġenwin lejn nies fil-bżonn.”

Chris Peregin qal li kien sorpriż bid-diskors ta’ Alex Borg. U ddeskrivih bħala interessanti u mimli ideat. Hu saħaq li l-Partit Nazzjonalista kapaċi jippreżenta lill-pajjiż “bi gvern alternattiv kredibbli u enerġetiku”.

L-avukat u eks direttur tal-komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Alessandro Farrugia faħħar dak li preżenta Alex Borg fid-diskors tiegħu. U ddeskrivih bħala frisk, kuraġġuż, u kunfidenti.


Tenna li fi kliemu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalisa, deher li qed jifhem tajjeb lin-nies, baqa’ ffukat u tkellem dwar l-ekonomija li tolqot lin-nies – u mhux biss in-numri.”


L-avukat Farrugia tenna li dan kollu juri għaliex il-Partit Nazzjonalista jista’ jerġa’ jirbaħ, u żied jgħid li d-diskors ta’ Alex Borġ offra “viżjoni li tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Partit Nazzjonalista lejn il-ġid komuni filwaqt li tirrifletti ġenerazzjoni ġdida ta’ enerġija u ideat”.