Internazzjonali

Franza: Libertà bikrija għal Sarkozy…li madankollu ma jistax jivvjaġġa barra pajjiżu

L-eks President ta’ Franza, Nicolas Sarkozy, inħeles  mill-ħabs wara li qorti tal-appell ikkonfermatlu l-libertà bil-kundizzjoni li hu jibqa’ taħt superviżjoni fuq livell ġudizzjarju.

Dan wara li Sarkozy laħaq skonta biss tlett ġimgħat minn terminu ta’ ħames snin priġunerija b’konnessjoni mas-sehem tiegħu f’ kumplott kriminali li kien seħħ snin ilu.

Intant, Sarkozy, minn issa ‘il quddiem, xorta se jkollu l-limiti imposti għal-libertà u meta hu mhux permess li jivvjaġġa ‘il hinn minn Franza.

Fil-21 ta’ Ottubru, Sarkozy, li għandu 70 sena, kien ikkundannat għal ħames snin ħabs talli kien involut fi pjan biex, fl-2007,  jiffinanzja l-kampanja elettorali tiegħu bil-fondi provduti mill-eks-dittatur tal-Libja, Muammar Gaddafi,

Dritt wara l-verdett, l-avukati ta’ Sarkozy mal-ewwel kienu ressqu talba lill-Qorti biex l-eks-President jiskonta l-minimu possibbli tal-priġunerija bħala parti mill-proċess għal appell.

Fl-aħħar ġranet, Sarkozy kien qed jinżamm iżolat fil-ħabs ta’  La Santé u, fl-aħħar kollegament ma’ Pariġi bil-videolink, hu deskriva l-ħajja ta’ priġunier bħala ‘ta’ strapazz’ u ‘ħmar-il lejl ħaj’.

Sadanittant – u qabel l-aħħar żviluppi — il-prosekutur Damien Brunet, kien irrakkmanda biex tkun attwata t-talba ta’ Sarkozy għal ħelsien mill-ħabs, bil-kundizzjoni li l-eks President ma jikkuntattjax lil persuni oħrajn magħrufin bħala xhieda fil-każ magħruf bħala ‘id-Dossier Libjan’.

Min-naħa tiegħu, Sarkozy għadu qed jiċħad dwar aġir illegali bħala President ta’ Franza fost l-insistenza li hu qatt ma kellu l-idea li jitlob il-flus lil Gaddafi. L-eks-President sostna wkoll li hu ‘qatt mhu se jammetti għal reat mhux kommess minnu stess’.

Nicolas Sarkozy hu l-ewwel eks-President Franċiż li weħel il-ħabs mindu Philippe Pétain, li kien imexxi l-Gvern tal-Vichy li kkollabora man-Nażisti ta’ Adolf  Hitler, ingħata l-priġunerija għat-tradiment ta’ pajjiżu mat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1945.

Sarkozy kien il-President ta’ Franza mill-2007 sal-2012 u mindu spiċċa mir-rwol kellu jkun suġġett għal diversi investigazzjonijiet kriminali – tant li għal xhur sħaħ kien kostrett li jilbes tag elettroniku wara li, f’Diċembru, instab ħati li prova jxaħħam lil maġistrat biex jipprovdilu l-informazzjoni kunfidenzjali dwar każ partikulari.