Lokali

Ċifri tal-Gvern juru kif mill-bliet qed joħorġu l-Maltin, u jidħlu residenti barranin

Analiżi ta' Victor Camilleri

Mill-aħħar ċifri dwar il-popolazzjoni fil-lokalitajiet Maltin, pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), jirriżulta li mill-ħames bliet ‘storiċi’ Maltin – il-Belt Valletta, l-Imdina, il-Birgu, l-Isla u Bormla – ir-residenti Maltin qegħdin dejjem jonqsu waqt li r-residenti barranin qed jiżdiedu b’ammont sostanzjali.

Iċ-ċifri tal-NSO jirreferu għal-lokalitajiet kollha ta’ Malta (54) u Għawdex (14) u jispeċifikaw, fost l-oħrajn, kemm mill-popolazzjoni huma residenti Maltin u kemm hemm residenti barranin (foreign).

Aktar minn hekk, l-NSO jagħti t-tibdil li seħħ fil-popolazzjoni ta’ dawn il-lokalitajiet, sena b’sena, f’dawn l-aħħar 12-il sena, bejn l-2012 u l-2024.

Is-sena 2012 kienet l-aħħar waħda sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista u, allura, wieħed faċli jqabbel kif kienet is-sitwazzjoni fir-rigward tal-popolazzjoni tal-bliet u rħula, ma’ dik li hi llum wara 12-il sena ta’ Gvern Laburista.

Wieħed mill-ħafna żviluppi li jispikkaw hu li, f’dawn il-ħamest ibliet ‘storiċi’ ta’ pajjiżna, il-popolazzjoni ta’ kull lokalità naqset minn dik li kienet fl-2012, u dan minkejja li r-residenti barranin fihom żdiedu sostanzjalment. Dan seħħ għaliex il-Maltin naqsu b’rata akbar minn dik taż-żieda tar-residenti barranin. F’dawn it-tnax-il sena, minn dawn il-lokalitajiet naqsu b’kollox 3,161 resident Malti waqt li żdiedu 1,817-il resident barranin.

Apparti minn hekk, l-akbar numru ta’ barranin bħalissa hu 791 fil-Belt Valletta, waqt li f’Bormla hemm 664. Fil-Birgu u fl-Isla hemm 363 u 357 rispettivament, waqt li fl-Imdina hemm 48.

Fil-Belt Valletta, ir-residenti Maltin naqsu b’1,059 bejn l-2012 u l-2024 waqt li f’Bormla, fl-istess perjodu, il-Maltin naqsu b’954. Fl-Isla naqsu 593, fil-Birgu 460, u fl-Imdina naqsu 65.

Għaldaqstant, iċ-ċifri juru li f’dawn it-12-il sena, ir-residenti barranin żdiedu fil-ħames lokalitajiet f’dawn l-ammonti: Valletta (+621); l-Imdina (+35); Bormla (+ 575); l-Isla (+303), u l-Birgu (+283).