Mietu numru ta’ nies fil-gżira ta’ Tenerife wara li l-mewġ tal-baħar għoljin telgħu l-art u faqgħu zona kbira bl-ilma.
Il-gżira ta’ Tenerife, anki issa, għadha popolari mat-turisti u l-ewwel rapporti dwar it-traġedja qalu li mara mietet mgħarrqa wara li kaxkarha l-mewġ viċin ir-resort ta’ Puerto de la Cruz.
Ftit wara kienet ikkonfermata l-mewta ta’ raġel fl-inħawi ta’ Santa Cruz de Tenerife waqt li raġel ieħor instab mejjet fil-baħar, ftit ‘il hinn mill-bajja ta’ Granadilla.
Fl-aħħar sigħat, is-servizzi għall-emerġenzi wissew lill-pubbliku biex jibqgħu ‘il bogħod mill-artijiet tal-kosta u biex ma jieħdux ir-ritratti u l-videos viċin tal-baħar imqalleb.
Dan waqt li l-gżira ta’ Tenerife, fl-aħħar sigħat, kienet assejdata minn maltemp mhux komuni għal dan iż-żmien tas-sena.
L-aħħar rapporti qalu, intant, li s-servizzi għall-emerġenzi kellhom jirrikorru għal proċess ta’ airlift biex isalvaw raġel li spiċċa fil-baħar fl-inħawi ta’ La Guancha, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Tenerife. Madankollu, l-isforzi tagħhom swew għalxejn, bir-raġel jispiċċa dikjarat mejjet mal-wasla tiegħu fl-isptar.
Kollox jindika li l-awtoritajiet tal-Gżejjer Kanarji – l-arċipelago Spanjol li Tenerife tifforma parti minnu – se jibqgħu fuq stat assolut ta’ allert qalb iz-zoni tal-kosta sa, almenu, nofs il-ġimgħa.
L-istess awtoritajiet wissew li l-kundizzjonijiet tal-baħar x’aktarx li jaqilbu għall-agħar fost iċ-ċaqliq ‘straordinarju’ fl-imbatt tal-baħar – u fost stennija li l-mewġ tal-oċean barra Tenerife jilħqu għoli ta’ erba’ metri.
Intant, it-turisti u r-residenti lokali ta’ Tenerife qed jeżerċitaw il-massimu tal-kawtela f’dawn iċ-ċirkustanzi.
//= $special ?>

