L-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, ħadet pass importanti biex toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ ‘shutdown’ li paralizzat diversi istituzzjonijiet u setturi tal-Gvern – u bir-riżultat li l-mijiet tal-eluf tal-ħaddiema Amerikani ilhom il-ġimgħat mingħajr is-salarji.
Sadanittant, ftehim għat-tmiem ta’ dan is-‘shutdown’ rekord għadda mis-Senat ta’ Washington wara ġimgħat konsekuttivi ta’ staġnar u mhux ftit tal-battibekki bejn ir-Repubblikani fil-Gvern u d-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni.
Dan sar possibbli wara sensiela ta’ negozjati f’Washington fejn minoranza ta’ Demokratiċi ssieħbu mar-Repubblikani fil-vot favur il-ftehim…Vot li, fil-fatt, hu l-ewwel pass lejn il-konferma ta’ kompromess għall-finanzjament tal-Gvern Amerikan li kienu spiċċawlu l-fondi fl-Ewwel ta’ Ottubru.
Il-paraliżi – jew ‘shutdown’ – attwali hi l-itwal waħda relatata mal-Gvern Amerikan fiż-żmien kollu li ilhom jinżammu r-rekords fl-Istati Uniti.
Fil-fatt, l-aħħar negozjati – li baqgħu għaddejjin fi tmiem il-ġimgħa – dehru riesqa lejn sitwazzjoni oħra ta’ staġnar, sakemm id-Demokratiċi għażlu li jtaffu ftit mill-kriżi li wasslet għas-sospensjoni ta’ ħafna servizzi tal-Gvern mill-bidu ta’ Ottubru.
Dan ukoll meta madwar 1,4 miljun impjegati mal-aġenziji federali kellhom joħorġu bil-leave mngħajr ħlas inkella spiċaw jaħdmu xorta waħda mingħajr is-salarji dovuti lilhom.
Fl-istess ħin, ix-‘shutdown’ kellu impatt ferm negattiv għal varjetà ta’ servizzi – inkluż l-ivvjaġġar tal-ajru domestiku kif ukoll għall-benefiċċji tal-ikel għall-41 miljun Amerikan bl-anqas introjtu.
Sadanittant, fadal xorta l-ostakli – fosthom il-vot imminenti mill-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington. – sakemm is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal għall-ħaddiema mas-servizzi federali.
Madankollu, l-aħħar żviluppi xorta qed jitqiesu bħala l-ewwel sinjal konkret ta’ progress wara 40 jum ta’ hekk-imsejjaħ ‘deadlock’ — u meta fl-aħħar sigħat kienu mistennija wkoll aktar taħditiet relevanti fuq livell ta’ Senat.
//= $special ?>

