Lokali

Studenti Għawdxin b’diżabbiltà abbandunati minn sistema li suppost hi waħda inklużiva – PN

Il-każ riċenti tal-istudenti bi bzonnijiet speċjali li jattendu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) tal-Qala, Għawdex, juri b’mod ċar kif is-sistema edukattiva f’pajjizna għadha mhux qed tkun inklużiva għal kulħadd.

Minkejja diskussjonijiet li ilhom għaddejjin għal xhur bejn il-Voice for Inclusion Gozo Association u t-tmexxija tal-ITS, tliet studenti b’diżabbiltà li temmew l-edukazzjoni obbligatorja, xahar u nofs wara l-bidu tas-sena skolastika għadhom mingħajr assistenza u għadhom qed jiġu mċaħħda mill-edukazzjoni post-sekondarja f’dan l-Istitut.

Fil-bidu tas-sena deher li l-ITS kien lest jipprovdi għal dawn l-istudenti, iżda s’issa naqas li jagħtihom l-LSEs meħtieġa. Dan irriżulta f’sitwazzjoni fejn żewġ studenti mhuma jattendu l-ebda lezzjoni minħabba n-nuqqas ta’ sostenn edukattiv u studenti ieħor mhux jattendi għal lezzjonijiet fil-kċina.

Dan in-nuqqas mhux biss juri falliment istituzzjonali, iżda wkoll ksur tad-dritt fundamentali għall-edukazzjoni li għandu kull student, irrispettivament mid-diżabbiltà tiegħu. L-istudenti b’diżabbiltà għandhom id-dritt li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom f’ambjent sigur, aċċessibbli u inklużiv bħall-bqija tal-istudenti.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-awtoritajiet edukattivi u lill-ITS sabiex jiżguraw li ebda student b’diżabbiltà ma jibqa’ barra mis-sistema edukattiva anke wara l-età obbligatorja.

L-edukazzjoni inklużiva la hi favur u lanqas pjacir, iżda dritt fundamentali. Kull dewmien jew nuqqas ta’ azzjoni jkompli jżid il-marġinalizzazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ li diġà qed jiffaċċjaw sfidi kbar.

Il-Partit Nazzjonalista jitlob azzjoni konkreta issa, mhux wegħda wara l-ohra li ma titwettaq qatt jew li titwettaq meta jkun tard wisq għat-tfal u għaż-żgħażagħ tagħna.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea, mix-Shadow Minister għan-Newrodiversità u l-Ħarsien tat-Tfal Albert Buttigieg, mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, u mix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco.