Lokali Qorti

Tnaqqis fil-kumpens lill-eks ‘shareholders’ tas-Bank Ċentrali: Minn €111 miljun għal €71.8 miljun

Il-Qorti Kostituzzjonali naqqset bi ftit inqas minn €40 miljun il-kumpens li kien ingħata lill-eks ‘shareholders’ tan-National Bank of Malta, wara li l-gvern ħa f’idejh il-bank fl-1974. Il-kumpens, li s-sena li għaddiet kien ġie stabbilit mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili għal aktar minn €111 miljun, u li dan tnaqqas għal €71.8 miljun.

Il-każ jirrigwarda 82 persuna li kienu fost dawk li kellhom l-isħma fil-Bank Ċentrali – li ma aċċettawx li jiffirmaw ftehim biex jittrasferixxu l-isħma tagħhom lill-gvern mingħajr ħlas. Dawn is-sidien sostnew li nkisru d-drittijiet fundamentali tagħhom meta l-gvern immexxi mill-Prim Ministru Dom Mintoff kien ħa kontroll tal-bank mingħajr ma ħallsilhom kumpens.

Il-kontroversja bdiet f’Diċembru 1973, meta Mintoff informa lill-Parlament dwar il-problemi fil-Bank Nazzjonali ta’ Malta, li kien qed jaffaċċja problemi fuq id-depożiti, dar ta’ rtirar massiċċ ta’ flus mill-kontijiet tal-klijenti. Ġimgħa wara, il-gvern ippreżenta l-Att dwar il-Bank Nazzjonali u l-bank sussidjarju Tagliaferro li ttrasferixxa l-kontroll tal-bank lill-Istat.

F’Marzu 1974, l-assi u d-djun tal-Bank Nazzjonali ġew trasferiti lill-Bank of Valletta permezz ta’ att pubbliku iffirmat min-nutar Maurice Gambin. Fl-1992, jiġifieri 18-il sena wara t-teħid tal-bank, il-grupp ta’ isħma fetaħ kawża kostituzzjonali, jargumenta li d-dritt tagħhom għall-proprjetà privata kien ġie miksur, billi ġew imċaħħda minn kumpens għal dak it-teħid.

Minn naħa tiegħu l-Gvern sostna li l-intervent tiegħu biex isalva l-attività bankarja tan-National Bank billi titkompla minn bank ieħor, kien meħtieġ biex jiġi evitat diżastru fl-ekonomija u t-telf tad-depożiti tad-depożitanti u tal-faċilitajiet bankarji u l-impiegi li kien isostni l-istess bank.

Il-Gvern ilmenta li għad li l-Qorti kienet irrikonoxxiet dan fis-sentenzi appellati, l-istess sentenzi xorta adottaw viżjoni negattiva u imponew kastig fuq il-finanzi pubbliċi llum talli ġie evitat diżastru ekonomiku fl-1973, qiesu dak li sar kien ħażin u ma jmissux sar.

Il-Gvern tenna li n-National Bank kien bank li kien jieħu riskji li ma kienx jiflaħ għalihom u li kellu 40% tal-portafoll tas-self tiegħu ma jitħallasx meta kien dovut. Qal ukoll li fl-1972, in-National Bank kien ukoll sofra telf ta’ kapital u ta’ depożiti tal-banek l-oħra iżda fl-1973, “il-bank ma setax jikkontrolla l-ġbid mgħaġġel u intensiv ta’ flus u kieku ma intervjeniex il-Gvern bi flus il-poplu, in-National Bank falla.”

Il-Gvern argumenta wkoll li l-azzjonisti ma kinux disposti li jinvestu flushom biex jikkapitalizzaw il-bank u lanqas ma kien hemm il-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-Bank Ċentrali jaġixxi ta’ Lender of Last Resort li fi kwalunkwe każ qatt ma jista’ jwaqqaf ‘depositor run’- anzi l-fatt li jsir magħruf li ngħatat faċilità ta’ ‘Lender of Last Resort’ jwassal biex in-nies iżjed jiġbdu flushom.

Fl-2024, il-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, kienet tat kumpens ta’ €44.7 miljun lil 33 applikant, u €66.4 miljun lil 49 applikant oħra, flimkien ma’ interess ta’ 8% mid-data tas-sentenza. Iżda kemm il-gvern kif ukoll x-‘shareholders’ appellaw id-deċiżjoni.

L-appell u s-sentenza l-ġdida

Numru ta’ “shareholders’ sostnew li l-kumpens ta’ €111 miljun kien insuffiċjenti, u talbu li jinkludi wkoll id-dividendi li ħallas il-BOV mill-1974 ’l hawn, flimkien ma’ interessi legali, li kienu jammontaw għal madwar €1.4 biljun. Grupp ieħor argumenta li l-qasma ugwali tal-kumpens kienet se toħloq inġustizzja ġdida, billi ma tqisx il-proporzjon reali ta’ kull sehem.

Il-Qorti Kostituzzjonali rrimarkat li, meqjus it-tagħlim ġurisprudenzjali, kellha tqis diversi fatturi meta ddeċidiet dwar il-kumpens dovut lill-eks ishma tal-Bank Nazzjonali ta’ Malta. Dawn jinkludu: (i) il-fatt li x-‘shareholders’ ġarrbu ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom u baqgħu mingħajr kumpens għal snin twal; (ii) id-dwejjaq u l-frustrazzjoni kkawżati minn dan id-dewmien; u (iii) id-dewmien biex ġiet istitwita l-kawża.

Il-Qorti osservat li, għalkemm ir-rikorrenti sostnew li d-dewmien kien minħabba t-tensjoni politika ta’ dak iż-żmien, jibqa’ fatt li huma damu biex jressqu l-kawża.

Fir-rigward tal-imgħax legali fuq il-kumpens, il-Qorti ddeċidiet li dan għandu jitlaq mid-data tas-sentenza sal-ħlas effettiv, bħalma kienet ordnat l-Ewwel Qorti, billi l-ammont kien likwidat permezz tas-sentenza stess.

Il-kalkolu tal-kumpens

Il-Qorti Kostituzzjonali spjegat li ż-żewġ gruppi ta’ rikorrenti soffrew l-istess ksur kostituzzjonali, u għalhekk adottat mudell ta’ kalkolu ispirat mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ Cauchi vs Malta.

Il-punt tat-tluq għall-kalkolu kien il-valur tas-sehem tal-gvern ta’ 25% fil-Bank of Valletta (BOV), stmat għal €198.5 miljun skont is-suq tal-2024. Minn dan l-ammont, il-Qorti applikat żewġ tnaqqisiet.

  • 30% biex tirrifletti l-interess pubbliku leġittimu li l-gvern kellu biex isalva s-sistema finanzjarja dak iż-żmien, u
  • 20% ieħor biex tqis l-inċertezza dwar kif kien ikompli jopera l-bank kieku ma sarx it-teħid tiegħu mill-Istat.
  • Il-Qorti naqqset is-somma skont il-fatt li r-rikorrenti jirrappreżentaw madwar 70% tas-sidien tal-isħma oriġinali.

Il-kumpens patrimonjali finali ġie stabbilit għal €77,815,430, li għandu jitqassam proporzjonalment skont in-numru ta’ ishma ta’ kull applikant. Minn din is-somma, madwar €50.7 miljun huma allokati għall-grupp akbar ta’ ishma, u €21 miljun għall-grupp iżgħar.

Il-Qorti osservat ukoll li matul dawn it-tletin sena ta’ proċeduri, bosta mix-‘shareholders’ oriġinali mietu, u għalhekk kien hemm bżonn li jiġu sostitwiti mill-eredi tagħhom. Madankollu, hija enfasizzat li danni morali ma jgħaddux bħala wirt, ħlief jekk il-persuna li kellha dritt għalihom kienet għadha ħajja meta nfetħet il-kawża.

Il-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Imħallfin Robert Mangion, Grazio Mercieca u Josette Demicoli, tnaqqset il-kumpens għal:

  • €21 miljun minflok €44.7 miljun fil-każ tal-33 applikant, u
  • €50.7 miljun minflok €66.4 miljun fil-każ tal-49 applikant,
    bil-ħlasijiet isiru skont il-piż tal-ishma ta’ kull applikant.

F’kull każ, il-Qorti żiedet €30,000 f’danni mhux pekunarji. Il-Qorti kienet assistita minn għadd ta’ avukati, li jinkludu lil Patrick Galea, José Herrera, Joe Schembri u Evelyn Caruana Demajo li dehru għall-ishma, filwaqt li l-Istat kien rappreżentat mill-Avukat tal-Istat Chris Soler flimkien mal-avukati Miguel DeGabriele u Paul Cachia.

Din is-sentenza tkompli kapitolu ieħor f’waħda mill-itwal u l-aktar kawżi storiċi fil-ġurisprudenza Maltija — tilwima li ilha għaddejja għal aktar minn tletin sena dwar jekk l-eks sidien tal-Bank Nazzjonali ta’ Malta għandhomx jitħallsu u b’kemm wara t-teħid mill-Istat fl-1974.