Lokali Parlament

Ebda viżjoni ġdida mill-gvern Laburista fl-avjazzjoni u l-marittimu

Ivan Castillo, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal fil-parlament li fl-aħħar budget, il-gvern ma ppropona ebda viżjoni ġdida fl-avjazzjoni u l-marittimu.

Ivan Castillo qal li fil-marititmu l-gvern għadu bl-istess viżjoni li kellu qabel u mhemmx viżjoni ġdida. Il-PN fil-gvern se jappunta ministru għal dan is-settur u jerġa’ joħloq awtorità dedikata għall-istess settur marittimu.

Hu enfażizza l-importanza ta’ policies ġodda, tal-hub tal-loġistika, ta’ kumitat għall-pariri u tas-sistema ta’ trasport bejn il-Port Ħieles u Għawdex li se tnaqqas it-trasport mit-toroq iżda li dwarha jrid ikun speċifikat x’tip ta’ vapur se jintuża jew hux se jinxtara vapur ieħor għal dan ix-xogħol.

Hu tkellem dwar il-portijiet u qal li l-Prt tal-Imġarr irid jikber biex jilqa’ għall-isfidi li għandu waqt li taċ-Ċirkewwa għandu jkun indirizzat biex il-potenzjal tiegħu jkun utilizzat bl-aħjar mod. Il-Port ta’ Masraxlokk ukoll għandu jkun modernizzat fil-kunċett ta’ port futuristiku.

Dwar il-liċenjza tar-reġistrazzjoni tal-vapurti Ivan Castillo appella biex dawn ikollhom liċenzja dedikata. Hu tkellem dwar ir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u qal li ma jagħmilx sens loġiku li dan is-settur ma jkunx jaqa’ taħt is-settur marittimu. Irid ikun speċifikat li l-Port il-Kbir jintuża għall-marittimu, sostna Ivan Castillo, li kompla li m’għandux jitnaqqas l-ispazju minn dan biex jintuża għal ċertu aspetti. Dwar ix-ship to shore hu qal li m’għandux isir ship to shore ieħor u jitnaqqas spazju kbir għall-ipparkjar tal-karozzi. Għalhekk hu ppropona li jsir parkeġġ addizzjonali fiż-żona.

Jeħtieġ li l-problemi tal-ħaddiema tax-xatt ikunu indirizzati, sostna Ivan Castillo, li tkellem dwar ir-riklamazzjoni tal-art proposta f’Birżebbuġa u qal li l-gvern għandu jispeċifika xi proposti għandu. Ivan Castillo appella għal iktar taħriġ u edukazzjoni intensiva f’dan is-settur partikolarment għall-kadetti Maltin fuq vapuri li huma reġistrati taħt il-bandiera Maltija. Din hi inizjattiva li ma tiswiex il-miljuni meta jingħataw inċentivi biex din issir; kif jagħmlu pajjiżi barranin.

Ivan Castillo tkellem dwar is-settur tal-avjazzjoni u appella biex isiru l-investimenti meħtieġa f’dan is-settur kruċjali għall-ekonomija Maltija. Hu tkellem dwar l-engine run bay u qal li l-pajjiż għad m’għandux din il-faċilità.

Dwar il-mitjar f’Għawdex, hu qal li din se titkabbar iżda din mhijiex se tkun biżżejjed lanqas għal ajruplani żgħar għall-kadetti li jkunu qed jitħarrġu. Din għandha tkun mill-inqas 600 metru; inkella l-proġett għandu jkun imwarrab għaliex, jekk isir sew, dan il-proġett iġib opportunitajiet kbar.

Ivan Castillo qal li l-PN jemmen f’aġenziji ta’ żvilupp fl-avjazzjoni, link dirett bejn il-gvern u l-privat u f’ċentru innovattiv tal-avjazzjoni f’Għawdex.