Kummerċ Lokali

IL-BOV jiffoka fuq l-innovazzjoni fil-konferenza dwar l-esperjenza tal-klijent 2025

‘L-esperjenza tal-klijent tiggwanja’ – Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-BOV

Waqt li enfasizza l-impenn tiegħu lejn il-klijent u t-trasformazzjoni diġitali, il-Bank of Valletta (BOV) kkonferma l-wegħda li jqiegħed lill-klijenti tiegħu fil-qalba tal-organizzazzjoni. Dan seħħ waqt it-tieni edizzjoni tal-Konferenza dwar l-Esperjenza tal-Klijent (CX) tal-BOV, li saret fil-31 ta’ Ottubru 2025 fir-Radisson Blu.

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia stqarr: “L-esperjenza tal-klijent mhijiex moda. Hija l-gwida tagħna. Kull deċiżjoni li nieħdu hija mmexxija mill-prinċipju li nibqgħu rilevanti għall-klijenti tagħna f’dinja li qed tinbidel b’pass mgħaġġel.”

Il-konferenza laqqgħet madwar 180 kollega minn madwar l-organizzazzjoni, flimkien ma’ kelliema mistiedna u mexxejja fl-industrija.  Parti ewlenija mill-aġenda kienet diskussjoni bejn numru ta’ esperti mill-oqsma tal-ospitalità, is-saħħa u l-intelliġenza artifiċjali. Dawn kienu Nico Sarti, Angie Balzan, Charlotte Sant Portanier, u Gege Gatt. Huma saħqu li, għalkemm it-teknoloġija hija kruċjali, is-servizz veru jinbena fuq il-fiduċja u l-konnessjoni umana.

Wieħed mill-iktar mumenti importanti tal-ġurnata kien il-BOV CX Hackathon, fejn sitt impjegati ppreżentaw soluzzjonijiet kreattivi mfassla biex jagħmlu s-servizzi bankarji aktar intuwittivi u sinifikanti. Wara votazzjoni mill-parteċipanti, il-kunċett rebbieħ kien għodda diġitali ta’ self-service biex tappoġġja lill-klijenti fi żmien ta’ luttu, meta jitilfu membru tal-familja. Din issa se tiġi żviluppata u implimentata bħala parti mill-vjaġġ ta’ trasformazzjoni tal-Bank.

Iċ-Chief Customer Experience Officer, Theodoros Papadopoulos, irrimarka, “Għalija din  mhijiex sempliċement konferenza oħra. Hija xhieda li l-kuraġġ, il-kreattività u l-qalb jistgħu jerġgħu jiddefinixxu x’inhi istituzzjoni li toffri servizzi finanzjarji.”

Mill-Konferenza tal-BOV CX 2025 ħareġ messaġġ importanti; dak li l-esperjenza tal-klijent mhijiex proġett b’data ta’ skadenza, iżda mentalità. Il-BOV jiżgura li kull bidla tikkontribwixxi għal esperjenza aħjar għall-klijenti, billi jisma’, jitgħallem, u jaġixxi b’għan ċar.