Lokali Qorti

Residenti fis-Swieqi jesperjenzaw mumenti ta’ terrur meta 15-il pulizija daħlu fuqhom armati “bi żball”

Erba’ residenti mis-Swieqi rrakkontaw il-mument xokkanti meta madwar 15-il pulizija armati sa snienhom, liebsa ħwejjeġ iswed u bil-balaclavas, daħlu bil-forza fid-dar tagħhom, ppontaw armi lejhom u mmanettjawhom – wara li l-pulizija kienu żbaljaw l-indirizz.

L-inċident allegatament seħħ ix-xahar li għadda u ġie żvelat wara li r-residenti ressqu protest ġudizzjarju kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat, fejn allegaw li l-uffiċjali “daħlu b’mod illegali u vjolenti” fl-appartament tagħhom fi Triq is-Swieqi.

Skont dak li ngħad fil-protest, l-uffiċjali armati, li ma kellhom ebda identifikazzjoni viżibbli, irrifjutaw li jidentifikaw ruħhom jew jispjegaw għaliex kienu daħlu b’dan il-mod aggressiv. Huma poġġew lir-residenti għarkopptejhom waqt li ppuntaw fuqhom l-armi, u b’hekk ħolqu biża’ reali li kienu se jiġu sparati xi tiri lejhom.

Kien biss meta r-residenti semgħu lill-uffiċjali jgħajtu “pulizija!” waqt li daħlu fl-appartament oppost, li fehmu li dawn kienu membri tal-Korp tal-Pulizija u mhux kriminali. Ir-residenti, kollha barranin, qalu li sofrew trawma psikoloġika kbira u ansjetà minħabba n-nuqqas ta’ identifikazzjoni u l-mod vjolenti kif ġew trattati.

L-affarijiet spiċċaw agħar meta l-għada kienu allegatament miżmuma milli jressqu rapport dwar dak li ġara, minkejja li marru fl-Għassa tal-pulizija biex jirrappurtaw l-inċident. Uffiċjal qalilhom li kien se jikkuntattjahom iżda dan qatt ma seħħ.

Il-protest jagħti dettalji tal-inċident: wieħed mir-residenti fetaħ il-bieb wara li sema’ ħoss fil-kurituru, jaħseb li kien qed iseħħ xi argument. Dak il-ħin, wieħed mill-uffiċjali allegatament ippunta arma awtomatika lejn wiċċu, u dan wassal lir-raġel jirritira malajr ġewwa u jallarma lill-oħrajn. Ir-residenti mbagħad ħarbu lejn il-gallarija u ċemplu lis-servizzi ta’ emerġenza, iżda sostnew li ma ngħatawx għajnuna.

Ftit wara, l-uffiċjali armati kissru l-bieb tal-livell t’isfel tad-appartament u daħlu ġewwa. Ir-residenti, li kienu fil-livell ta’ fuq, għajtu “hello” biex jindikaw il-preżenza tagħhom, iżda ġew imxekkla minn ħames armi ppuntati lejhom u ngħataw l-orsni “inżlu wieħed wieħed, u idejk fuq rasek.”

Huma obdew, iżda waqt li kienu qed jinżlu, l-armi baqgħu ppuntati direttament lejn wiċċhom. Wieħed minnhom ġie mmanettjat b’manetti tal-metall u wkoll marbut b’cable ties, filwaqt li t-tlieta l-oħra ġew marbuta wkoll b’cable ties.

Il-protest jesiġi li l-awtoritajiet jippreservaw kull filmat ta’ body cams u rekords operattivi relatati mal-operazzjoni tal-14 ta’ Ottubru, u li dawn jiġu mgħoddija lir-residenti u lill-avukati tagħhom. Huma jiddikjaraw li ġew miksura diversi drittijiet fundamentali, fosthom id-dritt għall-libertà u s-sigurtà, il-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti, id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, u d-dritt għal rimedju effettiv taħt il-liġi nazzjonali u internazzjonali.

Ir-residenti qed iżommu l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat responsabbli għall-ħsarat li sofrew, u qed jitolbu li l-filmat kollu u d-dokumenti relatati jiġu ppreżervati u magħmula disponibbli biex juru il-ħsara u l-inġustizzja li sofrew b’din l-identifikazzjoni żbaljata u l-imġiba li jiddeskrivu bħala abbużiva u illegali. Il-protest ġie ffirmat mill-avukati Edward Gatt, Mark Vassallo, Shaun Zammit u Carina Nagiah.