Marcin Bieszczad,, Pollakk ta’ 47 sena, ġie kundannat għal piena ta’ 16-il sena priġunerija effettiva mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, li minnhom għandu jitnaqqas iż-żmien li matulu ilu nżamm taħt arrest preventiv u dan b’rabta ma’ mportazzjoni tad-droga eroina.
Huwa ngħata wkoll multa ta’ €23,000, li fin-nuqqas ta’ ħlas tiġi konvertita f’piena ta’ priġunerija L-akkużat instab ħati wara li ammetta minflok għadda ġuri ta’ l-akkużi ta’ importazzjoni u pussess aggravat ta’ tliet kilogrammi u nofs droga eroina b’purità ta’ 35%, li kienu intenzjonati għall-traffikar u mhux għall-użu personali tiegħu.
Bieszczad ammetta, li nhar id-19 ta’ Frar 2023 wasal minn titjira minn Frankfurt, ġie mitkellem mill-Uffiċjali tad-Dwana flimkien mal-Pulizija għal eżaminar tal-bagalja tiegħu. Matul l-ispezzjoni tqanqal suspett raġonevoli minħabba qiegħ falz fil-bagalja, u mill-analiżi preliminari instab li fiha kien hemm tliet kilogrammi u nofs ta’ eroina.
L-investigazzjoni u l-esperti forensiċi tal-Qorti kkonfermaw li l-imsemmija droga ma kinitx għall-użu personali tal-akkużat u li l-importazzjoni tagħha saret mingħajr liċenzja jew permess mill-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta.
Waqt l-udjenza tal-8 ta’ Ottubru 2025, Marcin Bieszczad, assistit mill-avukat tiegħu, irreġistra ammissjoni għall-akkużi kontrih. Il-Qorti qieset l-ammissjoni valida u rrifjutat kwalunkwe rimarka li seta’ jkollu l-akkużat dwar il-proċedura.
Fid-dawl ta’ dan, Bieszczad ammetta għall-ħtija taħt il-Kapi kollha tal-Att ta’ Akkuża, inkluż l-importazzjoni u pussess aggravat tad-droga eroiina. Filwaqt li rrikonoxxiet il-karattru serju tal-reat, l-ammont kbir ta’ droga involut u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, il-Qorti laqgħet ir-rikors konġunt tal-Avukat Ġenerali u l-akkużat.
Il-Qorti ordnat ukoll il-ħlas immedjat tal-ispejjeż legali konnessi mal-ħatra ta’ esperti, li ammontaw għal €7,369.44, u ordnat il-konfiska tal-oġġetti kollha relatati mad-delitt, kif ukoll tal-flus, proprjeta’ mobbli u immobbli tal-akkużat. Il-Qorti ordnat li d-droga esebita fil-proċeduri tiġi distrutta taħt il-ħarsien tar-Reġistratur fi żmien ħmistax-il jum minn din is-sentenza.
//= $special ?>

