Mark Anthony Sammut, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut sostna fil-parlament li saru abbużi kbar fi proċess ta’ għoti ta’ promozzjonijiet fl-ARMS.
Hu qal li kien konxju ftit tax-xhur ilu ta’ kawża li nfetħet fil-Qorti Ċivili, li fiha qed joħroġ ukoll il-mod abbużiv kif din l-entità qiegħda titħaddem, partikolarment fejn jidħlu promozzjonijiet u kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Dan b’mod sistematiku jekk mhux ukoll b’mod maħsub.
Hu kompla li fl-2023, sar eżerċizzju ta’ promozzjonijiet. Tant saru abbużi f’dawn il-promozzjonijiet, tant saru ilmenti nkluż mal-Partit Laburista u ma’ ħafna Ministri oħra kollegi tal-Ministru Dalli, li kellu jinħatar Bord ta’ Appell. Minn xi 70 talba li saru, 60 instab li kellhom raġun jilmentaw dwar inġustizzja.
Jirriżulta li xhur qabel ma nħarġu s-sejħiet, numru ta’ ħaddiema magħżula ngħataw substitution allowance mingħajr ma sħabhom fl-istess taqsima u fl-istess grad ingħataw l-opportunita japplikaw għaliha huma wkoll.
Meta nħarġu s-sejħiet ghall-applikazzjonijiet, dawk kollha li ngħataw din is-substitution allowance ngħataw il-promozzjoni li applikaw għaliha fuq il-bażi li kienu diġà qed iwettqu d-dmirijiet tal-kariga li applikaw għaliha u li kienu diġà qiegħdin jitħallsu substitution allowance għaliha.
Meta nħarġu s-sejħiet, ma saret l-ebda verifika, la mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani u lanqas mill-ebda wieħed mill-Bordijiet tal-Għażla li ntervistaw l-applikanti li dehru quddiemhom, dwar l-eliġibiltà ta’ kull kandidat skond il-kriterji li ħarġu fis-sejħa rispettiva li applikaw għaliha. Dan wassal biex numru ta’ ħaddiema ġew promossi meta lanqas suppost issejħu għall-intervista għax ma kinux jikkwalifikaw.
Wieħed mill-kriterji li l-Bordijiet tal-Għażla kellhom jiġġudikaw lill-kandidati għalih kien dak ta’ Track Record. Dan il-kriterju kellu 20 punt.
Kienu ħafna dawk il-ħaddiema li ma ngħatawx il-punti li kienu jistħoqqilhom meta wieħed jibbaża fuq il-performance appraisal tagħhom. Dan ġie stabbilit minn Bord ta’ Appelli.
Kriterju ieħor li ntuża għall-għoti ta’ punti kien dak ta’ knowledge of equipment. Iżda l-ebda wieħed mill-Bordijiet tal-Għażla ma wettaq test prattiku lill-kandidati biex jistabblixxi l-livell ta’ ħila u kompetenza tagħhom fl-użu tal-hekk imsejjaħ equipment u lanqas ma ġew mgħarrfin x’kien dan l-equipment li kien mistenni minnhom li jużaw kemm il-darba jieħdu l-promozzjoni li applikaw għaliha.
Kriterju ieħor li dawn il-Bordijiet tal-Għażla użaw biex jagħtu l-punti kien dak ta’ ‘personal attributes, 30 points based on personality, motivation and commitmnet, adaptibility, emotional stability‘.
Meta tħares lejn min kien fil-Bord tal-Għażla li nħatar ma rriżulta li kien ta’ lanqas persuna wieħed jew waħda li għandu jew għandha kwalifika akkademika fil-psikoloġija jew psikjatrija. Allura kif iddaħħal dan il-kriterju ta’ Personality u Emotional Stability meta ħadd ma huwa/kien kwalifikat biex jiggudika dwar dawn l-aspetti. Fuq liema bażi dawn il-bordijiet waslu biex jagħtu l-punti lil kull kandidat/a?
Kwalifika waħda kellhom il-Bord tal-għażla. Li huma Labour; u probabbli l-unika aspett tal-personalità tal-kandidati li kienu kapaċi jkejlu kienet kemm huma qrib tal-Partit Laburista.
Dwar il-pubblikazzjoni tar-riżultat hu staqsa lill-ministru tpoġġi lilha stess fiż-żarbun ta’ kull ħaddiem li jaħdem l-ARMS. Tieħu pjaċir tirċievi email fejn ir-riżultat jikkonsisti biss fil-kelma pass jew fail u mingħajr ma’ l-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani jgħidulek x’marki ingħatajt taħt kull kriterju li ntuża? Dan huwa dritt ta’ kull ħaddiem li jpoġġi għal interview fiċ-Ċivil: li jkun jaf x’kienu l-marki li ngħata taħt kull kriterju li ntuża. Fid-dawl ta’ dan il-Ministru ma ħassitx il-bzonn li titlob għal investigazzjoni fuq l-operat ta’ kull Bord tal-Għażla u titlob spjega għaliex kien hemm dawn in-nuqqasijiet kollha?
X’sar minnha l-Istandard Operating Procedure, li nkitbet biex ma jerġax iseħħ straġi fil-ħatriet u l-ħaddiema jkollhom is-serħan il-moħħ li kollox qiegħed isir kif suppost u li jkun hemm trasparenza wara kull eżerċizzju ta’ promozzjonijiet? Jew kien propju għax ridna dawn l-abbużi, li l-ARMS spiċċat immexxija mill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista? Il-membri tal-Bord tal-Għażla li mexxew dan il-proċess ivvizzjat u abbużiv kienu Nikita Zammit Alamango, iċ-Chairperson tan-Nisa Laburisti, Marisa Ciappara, it-Teżorier tal-Partit Laburista u Ray Falzon, membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista u l-persuna li qed tmexxi l-uffiċċju tar-riżorsi umani fl-ARMS, li spiċċat marret hemm mill-uffiċċju tal-ex-Prim Ministru Joseph Muscat.
Meta wieħed iżomm f’moħħu kemm hawn professjonisti f’Malta u kemm jiggradwaw kull sena mill-Università u mill-MCAST, hija kumbinazzjoni li l-ARMS lilhom biss sabet tajbin f’Malta u Għawdex kollu biex jitmexxew dipartimenti important fi ħdanha? Minn Ottubru 2024 anke s-CEO issa kellu jinstab mill-Eżekuttiv tal-Parti Laburista, ex-CEO tal-Partit Laburista?
Hu qal li minkejja d-diskors sabiħ tal-aqwa budget fl-istorja ta’ Malta, ta’ Gvern li jgħid li jippremja l-bżulija, ta’ Partit fil-Gvern li suppost hu Partit tal-ħaddiema, għandna ħaddiema li ħa jagħlqu sena b’collective agreement skadut.
Dwn huma l-ħaddiema tal-Enemalta, il-ħaddiema tal-Engineering Resources Ltd, dawk li kienu ex-Enemalta u tmexxew waqt il-proċess ta’ privatizzazzjoni meta nbiegħet terz tagħha lis-Shanghai Electric. Dan juri n-nuqqas ta’ apprezzament lejn ix-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema.
Huwa ta’ għajb li fl-2025 erġajna qed narmu d-drenaġġ fil-baħar. Fl-2010, dan il-pajjiż kien l-ewwel pajjiż fil-Mediterran li kien jitratta d-dranaġġ kollu, qabel dan jintefa’ fil-baħar.
Issa fl-aqwa żmien, erġajna qed nitfgħu d-drenaġġ mhux trattat fil-baħar. Issa għadna nistennew li jingħalaq il-proċess ta’ tender pubbliku biex jitkabbar l-impjant tat-tisfja tad-dranaġġ f’Taċ-Ċuminja u f’Għawdex, li issa kkonfermajna li mhux ilaħħqu mad-domanda. Dan il-budget qed jivvota miljuni biex jiġu upgraded dawn l-impjanti u nibdew inlaħħqu mad-domanda.
Id-deputat Nazzjonalista qal li dan hu każ ieħor fejn il-Gvern mexa b’management by crisis, fejn ħalla t-tkabbir fil-popolazzjoni jiżdied bla kontroll mingħajr ma jaħseb għall-infrastruttura meħtieġa.
L-istess kif kien qed jiġri fid-distribuzzjoni tal-elettriku. Snin twal mingħajr ma sar l-investiment meħtieġ. Imbagħad meta l-infrastruttura bdiet tikkrolla u n-nies batew minn ġimgħat ta’ blackouts, sħana, spejjeż żejda, affarijiet jintremew, każi nies li mietu għax l-apparat tan-nifs ma ħadmilhomx, qbadna ninvestu.
Tant ma kienx hemm pjan li spiċċajna fis-sitwazzjoni fejn jinqalgħu toroq li kienu saru ġodda ftit xhur jekk mhux ġimgħat qabel, biex issa nsaħħu l-infrastruttura tad-dawl.
Hu sostna li f’dawn il-ġranet sirna nafu wkoll li l-Enemalta, qiegħda f’riskju li titlef €60 miljun min-negozjati ta’ ċertifikati tal-carbon credits. Qed nitkellmu dwar riskju ta’ ammont sostanzjali, ta’ entitá daqshekk kritika, li għalkemm illum mhijiex kompletament tal-Gvern, però 70% tal-ishma tagħha huma tal-Gvern; biex ma nsemmux il-miljuni ta’ sussidji mill-fondi pubbliċi li tieħu.
Hu sostna li l-aħħar kontijiet awditjati li ġew filed mal-Malta Business Registry huma tal-2022. Sa issa, bil-liġi, suppost li ġew filed l-audited accounts tas-sena l-oħra, tal-2024. Imma għadhom lanqas ġew filed l-accounts tal-2023. Għaliex dan id-dewmien? Illum għandna l-eluf li m’għandhomx vultaġġ tajjeb u stabbli, m’għandhom xejn x’jipproteġihom.
Id-deputat Nazzjonalsta qal li meta l-Partit Nazzjonalista jwissi dwar id-dipendenza fuq is-sussidji, ma jkunx qed ifisser li huma ħżiena, jew li aħna kontrihom. Li qed ngħidu hu li tajjeb li nissussidjaw, peró l-Gvern missu qed jagħmel ħafna iżjed biex jinvesti f’sorsi ta’ enerġija alternattivi, nodfa, li jnaqqsulna d-dipendenza fuq il-fossil fuels u l-volatilità tal-prezz tagħhom fis-suq internazzjonali, biex fis-snin ta’ wara niġu bżonn ta’ anqas sussidji. Dal-pajjiż għandu potenzjal enormi għall-enerġija rinovabbli u ġieli tkellimt fil-passat kif nemmnu li pajjiżna nistgħu nagħmlu ċentru ta’ riċerka u innovazzjoni f’nofs il-mediterran għal enerġija nadifa.
Alex Borg fil-proposti tal-PN qal li jinżammu s-sussidji tal-enerġija filwaqt li jinvesti bil-qawwi fl-enerġija rinovabbli.
Mark Anthony Sammut sostna li kien il-Partit Nazzjonalista stess, qabel l-2013, li kien beda l-proċess għall-gas pipeline. Fl-2003 kien intemm studju mill-Enemalta dwar il-possibilità ta’ dan il-pipeline. Fl-2011 Gvern Nazzjonalista, kien ħabbar li qed jikkunsidrah. Fl-2012 kien ħareġ tender għal studju dwar il-vijabbilità u l-cost-benefit-analysis ta’ proġett bħal dan.
Altru milli bsaten fir-roti. Anzi, waħda mill-fatturi ewlenin għaliex kienet intgħażlet il-powerstation ta’ BWSC, kienet li meta jkun f’postu dan il-pipeline setgħet tinqaleb għall-gass. Bħalma kien parti mill-pjan ta’ Gvern Nazzjonalista kien it-tieni interconnector.
Hu sostna li fil-budget tal-2021, semmew li sal-aħħar tal-2025 ħa jkunu saru 1,200 charging pillars ġodda. Fejnhom iċ-charging pillars? Ilhom erba’ snin jissemmew. B’dir-rata rridu xi 200 sena biex ikollna biżżejjed charging points għal elettrifikazzjoni tal-flotta tal-karozzi ta’ pajjiżna
//= $special ?>

