Lokali

Angelo Gafa jikkontradixxi lill-Ministru Byron Camilleri

Wara li l-Ministru Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa ppuntaw subgħajhom lejn il-Maġistrat b’rabta ma’ indirizz fis-Swieqi li wassal għal arrest żballjat – issa Gafa qed jgħid li l-indirizz kien tajjeb; iżda n-nies li sabu fir-residenza m’għandhomx x’jaqsmu mal-investigazzjoni.

Angelo Gafa spjega li l-indirizz li ngħata lill-Pulizija huwa abbażi tal-informazzjoni nazzjonali miżmuma mill-Gvern – f’dak li għandu x’jaqsam mal-indirizzi.

B’din l-aħħar dikjarazzjoni ta’ Gafa tmur kompletament kontra dak li baqa’ jinsisti fuqu Byron Camilleri fil-Parlament.

Infatti, din mhux l-ewwel darba li smajna b’każijiet bħal dawn – f’żewġ każi simili u separati li kienu seħħew fil-Marsa; wieħed fejn kien sar sgass fi propjetà ta’ mara anzjana ta’ 95 sena, u l-ieħor sgass f’nofsillejl fid-dar ta’ persuna oħra li spiċċat arrestata bi żball – it-tnejn minħabba indirizzi jew informazzjoni ħażina.

U allura dan l-aħħar każ li seħħ fil-lokalità tas-Swieqi jkompli jindika li l-Gvern ta’ Robert Abela tilef il-kontroll tar-reġistru tal-indirizzi u min verament jgħix fir-residenzi ta’ Malta u Għawdex.

Dan ikompli jidher ukoll mill-ammont kbir ta’ posta li toħroġ mill-Gvern Ċentrali għall-appuntament tal-isptar, servizzi tas-saħħa u ċekkijiet mit-Teżor fuq persuni li mhux veru jgħixu fir-residenza fejn huma reġistrati.

Fuq il-midja soċjali wieħed mill-erba’ persuni li spiċċa arrestat bi żball f’residenza fis-Swieqi qal li dan il-każ kien “tal-biża” u ħalla impatt emozzjonali negattiv fuqhom kollha – tant li anke kellhom immorru għat-terapija.

Hu spjega wkoll li minn wara dan il-każ huma fetħu protest ġudizzjarju sabiex issir ġustizzja magħhom iżda fl-aħħar minn l-aħħar huwa qed jaqsam l-esperjenza tiegħu għal aktar għarfien fuq żballji bħal dawn li fir-realtà qatt m’għandhom isiru.

Intant, dawn il-persuni sfaw arrestati bi żball b’rabta ma investigazzjoni ta’ 76kg droga b’valur ta’ madwar €9 miljuni.