L-Arċisqof Charles Scicluna ħeġġeġ lill-gradwati ġodda sabiex iħallu din id-dinja aħjar milli sabuha kif ukoll ikunu “strument ta’ rikonċiljazzjoni fid-dinja, anke fis-soċjetà tagħna. Sfortunatament għandna bżonn naħdmu fuqha din għaliex ċirkondati minn wisq mibegħda, minn wisq vjolenza u l-poplu tagħna għandu dritt li jħares lejkom b’tama kbira. Jien illum nixtieq nagħtikom kelma ta’ kuraġġ biex intom tkunu strument ta’ maħfra, ta’ paċi. Jekk intom qegħdin tħaddmu l-lingwa, l-arti, il-liġi, il-professjonijiet tagħkom – aħdmu għar-rikonċiljazzjoni fil-verità u l-ġustizzja”.
L-Arċisqof appella dan u insista wkoll li “l-fidi mhijiex patrimonju kulturali imma laqgħa personali ma’ Ġesù” u stieden lil dawk preżenti jistaqsu lilhom infushom għala attendew għall-quddiesa ta’ radd il-ħajr, jekk hux għax sħabhom għamlu hekk, jew għax hu parti mir-ritwal tal-gradwazzjoni.
“Għandha tifsira għalik li inti waqt li tirringrazzja lilek innifsek, lill-Università, lill-familja li ssapportjatek talli wasalt s’hawnekk, tagħmel sens għalik li tgħidlu grazzi lil Alla? U Alla għalik min hu? Tħoss li huwa preżenza ħajja fl-eżistenza tiegħek? Il-mistoqsijiet li nagħmillek huma mistoqsijiet ta’ ħabib, ir-risposta f’idejk.”
Fil-quddiesa, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi saħaq li l-valuri, fosthom l-integrità u l-onesta, huma l-akbar tagħlima li l-gradwati għandhom iżommu fil-qalba ta’ ħajjithom u f’xogħolhom.
“Persuna onesta tgħix bil-verità anke meta jkun aktar faċli tigdeb jew tkun falza. Persuna ta’ integrità żżomm kelmtha, u ma tħallix il-kalkolu personali jħassar il-kuxjenza. Persuna onesta u ta’ integrità tibqa’ tagħmel dak li hu sewwa anke meta ħadd mhu qed jaraha. Nixtieqkom tiftakru li l-ħażin hu ħażin mhux għax tinqabad tagħmlu, jew għax xi ħadd f’daqqa waħda jiskoprih, imma għax hu ħażin. Ukoll jekk jirnexxilek tqarraq b’ħafna nies fil-ħajja, il-ħażin jibqa’ ħażin u fil-fond ta’ qalbek taf li dik mhix ħajja ta’ suċċess… Għandna tant bżonn ta’ nies li jgħixu l-verità b’mod konsistenti, nies li jkunu ta’ fiduċja u trasparenza. Mingħajr onestà, l-għerf iservi ta’ dannu; mingħajr integrità, il-progress isir theddida.”
Wissa kontra l-kultura tar-regħba li twassal għall-isfruttament tal-art, il-qerda tal-ħolqien kif ukoll il-korruzzjoni u kull forma ta’ abbuż li jnawru s-soċjetà. Fakkar lill-gradwati “li l-veru kbir hu dak li jservi. Il-veru mexxej hu dak li jaħdem għall-ġid tal-oħrajn”.



