Sport

Cristiano Ronaldo jikkonferma li t-Tazza tad-Dinja tal-2026 se tkun l-aħħar waħda tiegħu

L-attakkant Portugiż Cristiano Ronaldo ħabbar li t-Tazza tad-Dinja tal-2026 se tkun l-aħħar waħda tal-plejer Portugiż.

It-Tazza tad-Dinja tal-2026, li se jsir fil-Kanada, l-Messiku, u l-Istat Uniti matul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju, se tkun is-sitt parteċipazzjoni ta’ Ronaldo f’din il-kompetizzjoni, fejn matul din l-intervista, meta kien mistoqsi dwar din it-Tazza tad-Dinja, jekk se tkun l-aħħar waħda tiegħu, hu kkonferma li dan huwa minnhu.

F’kummenti li ta lill-midja, l-plejer Portugiż li għandu 40 sena u li skurja 953 gowl fil-karriera tiegħu ma’ numru ta’ klabbs u man-nazzjonal, saħaq ukoll li fi żmien sena jew sentejn se jirtira mix-xena tal-futbol.

Barra minn hekk, f’din l-intervista qal li l-karriera tiegħu riesqa lejn it-tmien.

Ronaldo, li bħalissa jilgħab ma’ Al-Nassr fl-Arabja Sawdija, huwa l-aktar plejer maskil li skurja gowls man-nazzjonal.

Fil-karriera tiegħu, hu lagħab ma’ Sporting Lisbon, Manchester United, Real Madrid u Juventus.

L-plejer Portugiż rebaħ l-Euro 2016 mal-iskawdra nazzjonali tal-Portugall, iżda t-Tazza tad-Dinja tibqa’ l-mira ta’ Ronaldo. Apparti minn hekk, Ronaldo rebaħ bosta unuri u titli personali fosthom il-Ballon d’Or li rebaħa għal ħames darbiet.

Intant, l-iskawdra nazzjonali tal-Portugall mistennija taffaċċja r-Repubblika tal-Irlanda nħar il-Ħamis bħala parti mill-logħob għall-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026.