Edukazzjoni Knisja Lokali

“Dejjem aħdmu favur il-verità u l-ġustizzja” – L-Arċisqof Charles Scicluna waqt il-quddiesa tal-gradwati

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Ix-xahar ta’ Novembru f’pajjiżna huwa sinonimu mal-gradwazzjonijiet minn istituzzjonijiet differenti, fosthom l-Università ta’ Malta – liema gradwazzjonijiet bdew b’quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Fil-quddiesa li ġiet iċċelebrata fl-10 ta’ Novembru, l-Arċisqof Charles Scicluna ħeġġeġ lill-gradwati l-ġodda sabiex iħallu din id-dinja aħjar milli sabuha kif ukoll biex ikunu strument ta’ rikonċiljazzjoni fid-dinja, u anke fis-soċjetà.

Huwa qal li sfortunatament bħalissa ninsabu ċirkondati minn wisq mibgħeda, minn wisq vjolenza – u l-poplu għandu dritt li jħares lejn il-gradwati ġodda b’tama kbira.

Monsinjur Scicluna sostna li huma għandhom ikunu strument ta’ maħfra, ta’ paċi u jekk qed iħaddmu l-lingwa, l-arti, il-liġi, u l-professjonijiet rispettivi tagħhom għandhom jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni fil-verità u l-ġustizzja.

Imbagħad…fil-quddiesa tat-Tlieta filgħaxija l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi saħaq li l-valuri, fosthom l-integrità u l-onesta, huma l-akbar tagħlima li l-gradwati għandhom iżommu fil-qalba ta’ ħajjithom u f’xogħolhom.

Huwa spjega li persuna onesta u ta’ integrità tibqa’ tagħmel dak li hu sewwa anke meta ħadd mhu qed jaraha. Dan filwaqt li fakkar li l-ħażin hu ħażin – mhux għax tinqabad tagħmlu, jew għax xi ħadd f’daqqa waħda jiskoprih, imma għax hu fundamentalment ħażin.

Matul l-omelija tiegħu l-Isqof Awżiljarju wissa kontra l-kultura tar-regħba li twassal għall-isfruttament tal-art, il-qerda tal-ħolqien kif ukoll il-korruzzjoni u kull forma ta’ abbuż li jnawru s-soċjetà.

Intant, minn din il-ġimgħa stess jibdew ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni fl-Univeristà ta’ Malta bl-istudenti jorganizzaw ukoll il-buscades tradizzjonali bil-għan li jiċċelebraw is-suċċess tagħhom.