Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ddikjarat nulla u bla effett is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati kontra Renald Aquilina, ta’ 29 sena, residenti l-Gżira – wara li sabet li l-proċedura segwita meta l-imputat ammetta l-akkużi tiegħu ma kinitx konformi skont il-liġi.
Aquilina kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li kien ikkawża ġrieħi fuq Moira Cauchi f’inċident tat-traffiku li seħħ fis-16 ta’ Settembru 2016 fi Triq ix-Xatt, Sliema. Hu kien akkużat li sewqan traskurat u perikoluż wassal biex il-mara ġarrbet xi ġrieħi, kif ukoll li kkawża ħsara fuq vettura oħra. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannatu għal disa’ xhur ħabs effettivi u skwalifikatu milli jżomm liċenzja tas-sewqan għal tliet snin.
Permezz ta’ appell ippreżentat fit-29 ta’ Lulju 2025, Aquilina sostna li s-sentenza kienet invalida u li l-piena imposta kienet sproporzjonata għall-fatti tal-każ. L-appellant argumenta li l-Qorti tal-Maġistrati kisret is-sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Appell tat-13 ta’ Marzu 2024, li kienet ordnat li l-ewwel Qorti sempliċement terġa’ tippronunzja s-sentenza skont l-artikolu 382 tal-Kodiċi Kriminali mingħajr tibdil fil-piena.
Fl-appell tiegħu, Aquilina saħaq ukoll li l-Qorti tal-Maġistrati ma tatx biżżejjed każ tal-fatturi mitigatorji, fosthom li l-inċident kien wieħed involontarju, li il-‘pelican lights’ ma kinux qed jiffunzjonaw sew u li l-vittma qasmet it-triq f’daqqa. Hu sostna wkoll li kien esprima dispjaċir, ammetta r-responsabbiltà tiegħu, u kkumpensa lill-vittma permezz ta’ ftehim barra l-qorti.
Fil-valutazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell irrimarkat li meta Aquilina ammetta l-akkużi tiegħu fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2025, il-Qorti tal-Maġistrati ma wissetux b’mod solenni dwar il-konsegwenzi legali ta’ dik l-ammissjoni, kif mitlub espressament mill-artikolu 392A(1) tal-Kodiċi Kriminali. Dan l-artikolu jesiġi li meta akkużat jiddeċiedi li jammetti, il-qorti għandha twissih formalment u tagħtih żmien biex jerġa’ jikkunsidra.
Il-Qorti tal-Appell qalet li l-verbal tas-seduta juri li l-imputat ingħata ftit ħin biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu, iżda ma ngħatax twissija solenni dwar il-konsegwenzi ta’ ammissjoni. B’hekk, skont il-Qorti, l-ammissjoni ma setgħetx titqies valida.
Minn xhieda li ngħatat fl-ewwel Qorti kien ħareġ li Aquilina kien qed isuq b’veloċità ta’ 110 kilometru fis-siegħa f’zona residenzjali, u li laqat lil Moira Cauchi li kienet qed taqsam minn fuq zebra crossing. Il-każ seħħ meta Moira Cauchi, mara li dakinhar kellha 50 sena u maniġer tal-bank, kienet qed taqsam minn fuq zebra meta ntlaqtet minn Peugeot misjuq b’veloċità eċċessiva minn Renald Aquilina, li dak iż-żmien kellu 20 sena.
Il-vittma li spiċċat fl-arja, qasmet il-bankina u waqgħet fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Sofriet minn ġrieħi gravi u permanenti li bidlu għalkollox ħajjitha. Minħabba l-kundizzjoni tagħha, Cauchi ma setgħetx tixhed fil-Qorti, iżda żewġha xehed minflokha.
Spjega kif martu sofriet minn telf ta’ memorja temporanja, ma setgħetx titkellem sew u kienet qed tagħmel terapija tal-kelma. Ma setgħetx tikteb, u kienet qed titgħallem mill-ġdid kif tiekol u tmur il-kamra tal-banju waħedha.
Minħabba l-konsegwenzi drammatiċi tal-inċident, ma setgħetx terġa’ tmur lura għax-xogħol tagħha bħala maniġer fil-bank, iżda l-bank għamel ftehim magħha biex tokkupa pożizzjoni inferjuri. Xhud li rat kollox iseħħ quddiem għajnejha qalet li rat lill-vittma literallment ittir u li fil-ħin tal-inċident ħafna karozzi kienu wieqfa, b’Aquilina ġej b’veloċità eċċessiva.
Hija qalet li kienet ma’ ħaddieħor fuq il-bus lane u meta rat il-karozza ġejja, mill-ewwel inġibdet lura. Aquilina ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li saq b’mod negliġenti, li kkawża ġrieħi gravi, u li naqas milli jieqaf.
Konsegwentement, il-Qorti ddikjarat nulla s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2025 u ordnat li Renald Aquilina jitqiegħed fl-istess pożizzjoni li kien qabel l-ammissjoni tiegħu, sabiex il-proċeduri jkomplu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati mill-istadju ta’ qabel is-seduta tas-6 ta’ Mejju 2025. Għal Aquilina dehru l-Avukati Franco Debono u Charles Mercieca.
//= $special ?>

