Bejn l-2012 u l-2024 il-Maltin fil-kottonera naqsu bi 846 u l-barranin żdiedu b’1,161 – il-Birgu naqqas 177, l-Isla naqqset 290 u Bormla naqqset 379. Riżultat li jagħti l-fehma li minn dawk l-inħawi qed joħorġu dejjem aktar Maltin li, b’xi mod, qed ikunu rimpjazzati minn residenti barranin.
Fl-2012, f’dawn it-tlett ibliet kien hemm 223 resident barrani iżda fl-2024 dawn telgħu għal 1,384 – żieda ta’ 1,161. In-numru ta’ residenti barranin f’dawn il-lokalitajiet illum jammontaw għal bejn wieħed u ieħor, 15 fil-mija tal-popolazzjoni kollha – żieda ta’ 8 fil-mija fuq dik li kienet fl-2012 .
Jekk imbagħad nieħdu f’konsiderazzjoni l-qagħda tal-Kalkara waħedha, lokalità li wkoll tista’ tingħadd mal-Kottonera, wieħed isib sitwazzjoni ftit differenti. Fis-sens li l-popolazzjoni sħiħa żdiedet minimament f’dawn l-aħħar 12-il sena, bi 343. Kien hemm iżda influss relattivament qawwi ta’ 455 f’dawk li huma residenti barranin. Ta’ min jgħid li l-Kalkara hi l-akbar fost dawk il-lokalitajiet bħala kobor fiżiku.
F’analiżi finali dwar it-tlett ibliet tal-Kottonera ried jingħad li f’dan il-perjodu b’kollox ir-residenti Maltin naqsu b’aktar minn 800 u dan il-fatt għandu jkun aspett li dwaru ssir ħidma pożittiva biex l-etniċità Maltija ma taqlax aktar skossi f’dawn il-bliet storiċi Maltin. Ma fadalx żmien għal aktar kummissjonijiet, kumitati, rapporti u strateġiji!
//= $special ?>

