Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-kunsillieri lokali tiegħu f’Marsaskala u f’isem ir-rappreżentanti ta’ eluf ta’ residenti, qed jitlob garanzija bil-miktub mingħand il-Ministru Chris Bonett li l-proġett tal-fast ferry mhux se jisfreġja l-bajja tant maħbuba ta’ dan ir-raħal.
Sostnew dan fi stqarrija, il-Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista f’Marsaskala, John Baptist Camilleri, il-Kunsillier Lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Marsaskala, Errol Cutajar, il-Kunsillera Lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Marsaskala, Celine Camilleri u l-Kunsillier Lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Marsaskala, Jesmond Abela.
.Huma qalu li filwaqt li fil-prinċipju l-PN jaqbel ma’ proġetti li jistgħu jtejbu l-konnettività u jtaffu xi ftit il-problema tat-traffiku, sal-lum il-kunsillieri Nazzjonalisti ta’ Marsaskala ma jistgħux iserrħu ras ir-residenti li dan il-proġett mhux se jirvina l-bajja tagħhom, għaliex m’għandhomx f’idejhom l-istudji fuq l-impatt li se jkollu dan il-proġett.
Filwaqt li jifhmu li ċerti dettalji jaf ikunu ta’ sensittività kummerċjali, il-kunsillieri lokali tal-PN jemmnu bis-sħiħ fid-dritt li għandhom, u fid-dritt li għandhom aktar u aktar ir-residenti, li jkollhom aċċess għall-informazzjoni li għandu f’idejh il-Gvern dwar l-impatt fuq il-ħajja tan-nies tal-lokalità. Jekk il-Gvern ma għandu xejn x’jaħbi, għandu minnufih jagħmel pubblika l-informazzjoni marbuta ma’ dan il-proġett speċjalment fejn dan se jolqot lir-residenti u lil kull min iżur din iz-zona fil-ħin tal-mistrieħ.
Mingħajr din l-informazzjoni importanti, la r-residenti u lanqas il-kunsillieri ma jistgħu jiffurmaw opinjoni favur jew kontra l-proġett. Madanakollu l-fatt li qed jiġu mċaħħda minn din l-informazzjoni twassalhom biex jinkwetaw li hemm xi ħaġa li l-Gvern qed jaħbi.
Huwa f’dan l-ispirtu li r-residenti fl-aħħar jiem esprimew ir-reżistenza għal dan il-proġett, u fl-istess spirtu li bħala kunsillieri, ir-rappreżentanti tal-PN f’din il-lokalità ma ħassewx li setgħu jivvutaw favur proposta bħal din, illi żgur se teffettwa l-kwalità tal-ħajja tan-nies ta’ Marsaskala, kif ukoll lil-lokalità nnifisha.
Kien għalhekk ukoll li l-kunsillieri tal-PN ressqu żewġ Mozzjonijiet biex jaraw li s-sottomissjoni li se jressaq il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar titlob li l-Gvern jgħaddilhom l-informazzjoni mitluba, b’mod partikolari l-istudji imsemmija.
Il-kunsillieri tal-PN jinsabu fil-Kunsill mhux biss biex jirrappreżentaw lill-Iskalin imma anke biex iħarsu l-interessi tal-lokalità, is-sbuħija tagħha u l-karatteristiċi li jiddefinixxuha u qed jagħmlu dmirhom meta jitolbu garanziji mingħand il-Ministru.
Il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Ministru Bonett jirrispetta biżżejjed lill-Iskalin li lest jagħtihom l-informazzjoni kollha li għandhom bżonn biex iserrħu rashom li dan il-proġett mhux se jneżża’ lil-lokalità mis-sbuħija tagħha u mhux se jneżża’ lilhom u lil dawk kollha li jżuru Marsaskala mid-dritt li jgawdu s-sbuħija ta’ din il-lokalità.
Il-PN jistenna li jingħata l-informazzjoni mitluba u l-garanzija li dan il-proġett mhux se jisfreġja l-bajja u l-ambjent naturali tagħha.
//= $special ?>

