Lokali

Il-Kummissarju tal-Pulizija jikkontradixxi lill-Ministru għall-Intern – PN

Angelo Gafà jgħid li ma kien hemm l-ebda indirizz ħażin fil-każ tar-rejd tas-Swieqi, imma l-persuni arrestati ma kinux dawk li riedu l-Pulizija

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-kummenti li ta l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà dwar ir-rejd tas-Swieqi, fejn b’mod ċar ħareġ jikkontradixxi l-informazzjoni mogħtija mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fil-Parlament ilbieraħ.

Dan hekk kif il-Kummissarju qal li l-indirizz fejn twettaq ir-rejd ingħata lill-Pulizija abbażi tal-informazzjoni nazzjonali miżmuma mill-gvern f’dak li għandu x’jaqsam mal-indirizzi.

Dan meta l-Ministru Camilleri lbieraħ waħħal fil-Maġistrat anke jekk bħala Ministru suppost jaf li l-indirizzi li fihom jitwettqu rejds bħal dawn dejjem jinħargu abbażi ta’ informazzjoni li jgħaddi lill-Pulizija l-gvern tiegħu stess. Kif fil-fatt ikkonferma l-Kummissarju Gafà.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li qal il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Ministru Byron Camilleri biex b’mod immedjat jiċċara s-sitwazzjoni u jgħid jekk f’dan il-każ:

(i)          il-persuni li kellhom jiġu arrestati jgħixux f’dak l-indirizz, imma fil-mument tal-arrest inzerta li ma kinux preżenti fil-post, bil-konsegwenza li ġew arrestati l-persuni żbaljati, persuni li mhumiex suspettati f’dan il-każ,

(ii)       inkella jikkonfermax li din hija l-konsegwenza tat-taħwid fis-sistema tal-indirizzi tal-gvern minħabba li dawn l-erba’ persuni mfittxija huma verament irreġistrati f’dak l-indirizz, imma ma jgħixux hemmhekk.

Fl-interess pubbliku, huwa ta’ importanza u urġenti li l-Ministru responsabbli mill-Intern iserraħ ras il-poplu Malti billi jwieġeb dawn id-domandi leġittimi.