Huwa surreali kif il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri rrisponda għal domanda leġittima li saret mill-Oppożizzjoni fil-Parlament dwar allegazzjoni ta’ arrest bi żball ta’ erba’ persuni – minħabba indirizz żbaljat.
Sostnew dan fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Darrent Carabott u x-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Joe Giglio, fi stqarrija fejn sostnew kif fil-Parlament, l-Oppożizzjoni għamiltha ċara li mhix se tidħol fil-mertu tal-każ ladarba għadu pendenti, u talbet biss għal kjarifika dwar x’ġara u kif seħħ dan, bil-Ministru jwaħħal fil-Maġistrat u jgħid li l-Pulizija mxew fuq l-ordni tal-Maġistrat.
Iżda fl-istess waqt, l-Oppożizzjoni fakkret fil-Parlament dwar żewġ każi simili u separati li kienu seħħew fil-Marsa: wieħed fejn kien sar sgass fi proprjetà ta’ mara anzjana ta’ 95 sena, u l-ieħor sgass f’nofs ta’ lejl fid-dar ta’ persuna oħra li spiċċat arrestata bi żball – it-tnejn minħabba indirizzi jew informazzjoni ħażina.
Huwa inkredibbli li l-Ministru jwaħħal għal dan kollu fil-Maġistrati li ma jistgħux jiddefendu jew jirrispondu għal tali allegazzjoni. Il-Ministru suppost jaf li mandati biex jitwettqu rejds bħal dawn jinħarġu abbażi tal-informazzjoni li tkun għaddiet lill-Qorti.
Dik l-informazzjoni, suppost, tkun ibbażata fuq ir-rekords li pajjiżna għandu tal-indirizzi.
Il-Ministru jmissu jħares lejn in-nuqqas ta’ riżorsi li, flimkien mal-volum kbir ta’ xogħol li hemm, qed iwasslu iex isiru żballji li qed iħallu effett fuq is-servizz u l-kwalità tal-ħajja fuq il-post tal-uffiċjali tagħna. L-istess żbalji qed iwasslu wkoll għal inġustizzji kbar.
Il-verità tibqa’ li dan il-Gvern tilef il-kontroll tar-reġistru tal-indirizzi u min verament jgħix fir-residenzi ta’ Malta u Għawdex. Dan hu evidenti mill-ammont kbir ta’ posta li toħroġ mill-Gvern Ċentrali għall-appuntamenti tal-isptar, servizzi tas-saħħa u ċekkijiet mit-Teżor fost l-oħrajn, fuq persuni li mhux veru jgħixu fir-residenza fejn huma rreġistrati.
Il-Ministru għandu jkun onest u ċar: u jagħti spjegazzjoni dwar is-sitwazzjoni tar-reġistru tal-indirizzi.
Għandu wkoll jerġa’ jagħmel talba pubblika biex tinħoloq sistema biex kull sid ta’ dar jew inkwilin ikollu d-dritt li jivverifika min hemm irreġistrat fuq l-indirizz li fih jgħix.
Il-PN jitlob lill-Partit Laburista biex jieqaf bir-retorika li jbeżża’ bil-babaw kull darba li jinkixfu n-nuqqasijiet fil-politika tiegħu, liema politika qed tħalli lill-Pulizija mingħajr ir-riżorsi adegwati biex iwettqu xogħolhom.
//= $special ?>

