Futbol Sport

Il-Papa Ljun XIV jiltaqa’ mat-tim nazzjonali Malti waqt l-Udjenza Ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa fil-Vatikan

Bjorn Vassallo mal-Papa Ljun XIV.
Bjorn Vassallo mal-Papa Ljun XIV.

Dalgħodu l-Papa Ljun XIV iltaqa’ mat-tim nazzjonali Malti tal-futbol, waqt l-udjenza ġenerali li ssir kull nhar ta’ Erbgħa fil-Vatikan. Din kienet l-ewwel laqgħa ta’ tim nazzjonali tal-futbol li sal-lum kellu l-Papa sa minn Mejju li għadda, meta Papa Ljun XIV beda l-Pontifikat tiegħu bħala l-Kap tal-Knisja Kattolika.

Din il-laqgħa spiritwali saret jumejn biss qabel it-tim nazzjonali taħt it-tmexxija tal-kowċ Taljan Emilio De Leo, jilgħab f’Helsinki kontra l-Finlandja, fil-partita ta’ qabel tal-aħħar mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026.

Il-kontinġent Malti ilu Ruma minn nhar it-Tnejn li għadda, fejn kompla l-preparazzjoni tiegħu għal din il-partita u għall-aħħar partita li se jkun qed jilgħab f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Polonja, fiċ-Ċentru Sportiv ta’ Roma City FC.  Il-faċilitajiet sportivi ta’ dan il-klabb, li jilgħab f’livell ta’ eċċellenza fl-Italja, huma meqjusa tal-ogħla livell, u ċ-Ċentru jinsab 15-il minuta biss ‘il bogħod, bil-mixi, mill-Vatikan.

Waqt l-udjenza ġenerali tal-Papa li saret dalgħodu, il-kontinġent Malti kien immexxi mill-President tal-MFA, Bjorn Vassallo u l-ogħla uffiċjali tal-assoċjazzjoni, flimkien mal-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Vatikan, l-Eċċelenza tiegħu Frank Zammit.

It-tim nazzjonali Malti, flimkien mal-bqija tal-kontinġent Malti tal-MFA, immexxi minn Bjorn Vassallo u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Vatikan, l-Eċċelenza tiegħu Frank Zammit, jieħdu ritratt tal-okkazzjoni mal-Papa Ljun XIV.

Fost l-oħrajn, il-Papa Ljun XIV kien ippreżentant b’flokk tat-tim nazzjonali Malti, hekk kif din il-laqgħa tista’ titqies waħda storika f’kull sens, għall-isport Malti.

Il-Papa Ljun XIV kellu l-ħin jiltaqa’ mal-plejers kollha tat-tim nazzjonali Malti, u l-bqija tal-kontinġent tal-MFA li jinsab f’Ruma.