Lokali

Il-Prim Ministru jammetti li kien hemm kollużjoni fl-isptarijiet

Il-Gvern qiegħed jagħmel tiegħu s-sentenza tal-Qorti tal-Appell, deċiża lura f’Ottubru tal-2023, fejn ingħad li fid-deals tal-Isptarijiet kien hemm kollużjoni bejn iż-żewġ partijiet; ċioè Vitals Global Healthcare u sussegwentament Steward Healthcare, mal-Gvern Malti mmexxi minn Amministrazzjoni Laburista.  Deċiżjoni u ammissjoni gravi meta wieħed iqis l-implikazzjoni tat-tifsira ta’ kollużjoni – koperazzjoni sigrieta jew illegali jew saħansitra ħadma magħmula biex tinganna lil ħaddieħor.

Dan ifisser li l-Qorti Maltija ddeċidiet li l-Gvern kien parti minn din il-ħadma tal-isptarijiet għad-dannu tal-poplu Malti u Għawdxi fejn saħansitra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Arbitraġġ tal-ICC saħqet iswed fuq l-abjad li l-unika vittma ta’ dan kollu kien proprju l-poplu.

It-Tlieta filgħaxija Net News staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela dwar din il-kollużjoni, b’Abela għal darb’oħra jagħmel tiegħu din id-deċiżjoni. U jgħid li ma jistax imeriha.

Sal-lum, għal din il-kollużjoni, din il-ħadma magħmula f’konġunta bejn il-Gvern u l-privat għad-dannu tal-familji Maltin u Għawdxin, għadu ħadd ma refa responsabbiltà – bil-Gvern jammetti li eżistiet, iżda ħadd ma jgħid li kien tort tiegħu.

Għal din il-kollużjoni, għal dan il-kuntratt simulat li jfisser ftehim magħmul proprju biex iqarraq, ħallas għalih il-poplu Malti u Għawdxi – bit-taxxi tiegħu, b’saħħtu u l-istennija għall-isptarijiet ġodda u wegħdiet fiergħa. Kuntratt li l-poplu effettivament ma gawda assolutament xejn ġdid minnu.

U mhux talli l-poplu kellu jħallas madwar €900 miljun, talli mid-deċiżjoni tal-arbitraġġ sar magħruf li jridu jitħallsu madwar €5 miljuni oħrajn, apparti s-somma straordinarja ta’ €11-il miljun ieħor għad-difiża legali.