Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Viżjoni għall-futur ta’ pajjiżna għandha tkun aktar ambizzjuża, dejjem iffukata fuq il-ħtiġijiet tal-poplu, u bbażata fuq it-tiftix tal-kwalità aktar milli l-kwantità. Il-Viżjoni Malta 2050 ghalhekk m’għandhiex biss tindika l-oġġettivi aħħarin iżda għandha toffri direzzjoni ċara għal futur aktar sostenibbli, inklużiv u li verament itejjeb il-ħajjiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dan kien il-messaġġ prinċipali tal-Partit Nazzjonalista fir-reazzjoni u l-proposti tiegħu għad-dokument Malta Vision 2050 li llum waranofsinhar ġew ippreżentati lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri. Din il-laqgħa kienet ilha skedata b’impenn ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat għal viżjoni li tkun verament tirrifletti l-interessi tal-poplu kollu.
Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista tmexxiet mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione li saħaq li din hija Viżjoni għall-futur tal-Maltin kollha u għaldaqstant kien kruċjali li jkun hemm qbil nazzjonali dwar fejn irridu naslu. Huwa f’dan l-ispirtu li fit-tfassil tar-reazzjoni tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qies dak li hemm pozittiv fid-dokument ippreżentat mill-Gvern; semma dak li kien jidher nieqes u ppreżenta wkoll proposti kostruttivi. Esprima l-impenn ċar tal-PN favur djalogu kostruttiv biex ikun assigurat li l-Maltin verament ikunu jistgħu jħarsu lejn futur b’aktar ottimiżmu.
Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia qal li filwaqt li l-Viżjoni kif proposta mill-Gvern fiha bosta elementi pożittivi, il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-istrateġija tista’ tkun aktar ambizzjuża, fejn Malta tfittex li tkun minn ta’ quddiem f’ċerti setturi, u mhux biss issegwi lil ħaddieħor. Huwa sostna li filwaqt li l-Viżjoni 2050 tal-Gvern fiha ħafna objettivi tajbin, marbuta mal-ħtieġa li nilħqu miri speċifċi, l-interess primarju għandu jkun li jkun hemm enfażi fuq il-kwalità tar-riżultati.
Jerome Caruana Cilia sostna li għandu jkun hemm rabta aktar ċara dwar kif it-tkabbir ekonomiku se jittraduċi ruħu f’titjib tanġibbli fil-ħajja ta’ kuljum, biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi li fil-preżent qed jikbru aktar ma jgħaddi ż-żmien.
Wara, saret preżentazzjoni minn George Vital Zammit, li pproduċa l-pożizzjoni formali tal-Partit Nazzjonalista wara konsultazzjoni estensiva interna u esterna. Huwa indika numru ta’ inizjattivi li jsibu l-appoġġ sħiħ tal-Partit Nazzjonalista li jistgħu jsaħħu aktar din l-istrateġija.
George Vital Zammit tkellem dwar numru ta’ nuqqasijiet li jistgħu jaffettwaw negattivament il-kredibbiltà jew l-impatt ta’ din il-Viżjoni. Dawn jinkludu nuqqasijiet marbuta mal-governanza, is-saltna tad-dritt, sfidi soċjali bħall-housing u l-inugwaljanzi kif ukoll il-miri ambjentali. B’mod partikolari, huwa nnota kif il-pjan tal-Gvern skont din il-Viżjoni huwa li jkompli jkabbar l-ekonomija b’aktar żidiet fil-popolazzjoni, aktar milli jindirizza kwistjonijiet marbuta mal-edukazzjoni, il-mobbiltà u l-produttività.
Preżenti wkoll bħala parti mid-delegazzjoni tal-PN kien hemm Damien Spiteri, il-Kap tas-Segretarjat tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>

