Lokali

KORREZZJONI: Stqarrija tal-PN wara l-każ tas-Swieqi

Huwa surreali kif il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri rrisponda għal domanda leġittima li saret mill-Oppożizzjoni fil-Parlament dwar allegazzjoni ta’ arrest bi żball ta’ erba’ persuni – minħabba indirizz żbaljat.

Sostnew dan fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Darrent Carabott u x-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Joe Giglio, fi stqarrija fejn sostnew kif fil-Parlament, l-Oppożizzjoni għamiltha ċara li mhix se tidħol fil-mertu tal-każ ladarba għadu pendenti, u talbet biss għal kjarifika dwar x’ġara u kif seħħ dan, bil-Ministru jwaħħal fil-Maġistrat u jgħid li l-Pulizija mxew fuq l-ordni tal-Maġistrat.

Iżda fl-istess waqt, l-Oppożizzjoni fakkret fil-Parlament dwar żewġ każi simili u separati li kienu seħħew fil-Marsa: wieħed fejn kien sar sgass fi proprjetà ta’ mara anzjana ta’ 95 sena, u l-ieħor sgass f’nofs ta’ lejl fid-dar ta’ persuna oħra li spiċċat arrestata bi żball – it-tnejn minħabba indirizzi jew informazzjoni ħażina.

“Huwa inkredibbli li l-Ministru jwaħħal għal dan kollu fil-Maġistrati li ma jistgħux jiddefendu jew jirrispondu għal tali allegazzjoni. Il-Ministru suppost jaf li mandati biex jitwettqu rejds bħal dawn jinħarġu abbażi tal-informazzjoni li tkun għaddiet lill-Qorti.”

Intant, l-Ispeaker f’rulin iddeċieda li din is-sentenza, kif inhi miktuba, fl-ebda mument ma ntqalet fil-Parlament.

Dik l-informazzjoni, suppost, tkun ibbażata fuq ir-rekords li pajjiżna għandu tal-indirizzi.

Il-Ministru jmissu jħares lejn in-nuqqas ta’ riżorsi li, flimkien mal-volum kbir ta’ xogħol li hemm, qed iwasslu iex isiru żballji li qed iħallu effett fuq is-servizz u l-kwalità tal-ħajja fuq il-post tal-uffiċjali tagħna. L-istess żbalji qed iwasslu wkoll għal inġustizzji kbar.

Il-verità tibqa’ li dan il-Gvern tilef il-kontroll tar-reġistru tal-indirizzi u min verament jgħix fir-residenzi ta’ Malta u Għawdex. Dan hu evidenti mill-ammont kbir ta’ posta li toħroġ mill-Gvern Ċentrali għall-appuntamenti tal-isptar, servizzi tas-saħħa u ċekkijiet mit-Teżor fost l-oħrajn, fuq persuni li mhux veru jgħixu fir-residenza fejn huma rreġistrati.

Il-Ministru għandu jkun onest u ċar: u jagħti spjegazzjoni dwar is-sitwazzjoni tar-reġistru tal-indirizzi.

Għandu wkoll jerġa’ jagħmel talba pubblika biex tinħoloq sistema biex kull sid ta’ dar jew inkwilin ikollu d-dritt li jivverifika min hemm irreġistrat fuq l-indirizz li fih jgħix.

Il-PN jitlob lill-Partit Laburista biex jieqaf bir-retorika li jbeżża’ bil-babaw kull darba li jinkixfu n-nuqqasijiet fil-politika tiegħu, liema politika qed tħalli lill-Pulizija mingħajr ir-riżorsi adegwati biex iwettqu xogħolhom.

KORREZZJONI

Wara li saret laqgħa mal-Ispeaker tal-Parlament fuq talba tal-Partit Nazzjonalista peress li kien hemm nuqqas ta’ ftehim dwar Ruling mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia b’rabta ma’ din l-istqarrija ta’ hawn fuq, il-PN jixtieq jikkjarifika kif ġej:

B’riferenza għar-Ruling mogħti l-Ħamis 13 ta’ Novembru 2025 fis-seduta parlamentari ta’ dakinhar fejn is-Sedja rreferiet għal din l-istqarrija maħruġa mill-PN, li parti minnha kienet taqra hekk:

“Dan meta l-Ministru Camilleri lbieraħ waħħal fil-Maġistrat”.

Qed issir korrezzjoni kif indikat fir-Ruling tal-Ispeaker fejn il-kliem li ntqal mill-Ministru Byron Camilleri fil-Parlament jgħid hekk:

“F’dan l-istadju l-Pulizija prekluża milli tagħti aktar dettalji u dan sabiex ma tippreġudikax proċeduri legali.

Uffiċċju tal-Komunikazzjoni,

Il-Korp tal-Pulizija Malta.”

“Allura li nitlob minn din il-Kamra huwa dan: meta kellna Abbozz ta’ Liġi hawnhekk li kien jirrigwarda vjolenza fuq il-Korp tal-Pulizija konna tal-ewwel kollha kemm aħna li ħriġna niddefenduhom korrettament, u ivvutajna kollha flimkien biex nipproteġuhom. Li nitlob minn din il-Kamra huwa li ma niġġudikawx qabel ikollna l-affarijiet quddiem għajnejna. Kollha kemm aħna, u kollha kemm huma l-fatti. Ħa nkun ċar, jien la se niġġudika naħa u lanqas oħra. Imma li nitlob huwa li naraw iż-żewġ naħat tal-munita. Nifhem lill-ġurnalist li kien hemm protest u rappurtah, u sewwa għamel il-ġurnalist. Imbagħad l-istess ġurnalist għandu obbligu, ladarba kien hemm ir-risposta tal-Korp tal-Pulizija, li jirrapporta wkoll ir-risposta tal-Korp tal-Pulizija.

Sur President, li nwegħedhom lill-Korp tal-Pulizija huwa li qabelxejn nibqa’ nagħtihom ir-riżorsi kollha biex lid-droga fil-pajjiż jibqgħu jiġġildulha bħalma għamlu.”

Jidher ċar li fl-ebda mument il-Ministru ma kien qed iwaħħal fil-Maġistrat kif ġie rappurtat fil-media tal-Partit Nazzjonalista u kif ġie rrapportat fl-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tat-12 ta’ Novembru 2025. Tant hu hekk li meta kien qed jaqra l-istqarrija, qraha kollha verbatim u ppreżentaha fil-Parlament, liema stqarrija tgħid hekk:

“B’referenza għal numru ta’ artikli fil-mezzi tal-midja rigward operazzjoni tal-Pulizija fis-Swieqi, il-Korp jikkjarifika illi fl-operazzjoni indikata kienu esegwiti mandati maħruġa mill-Maġistrat tal-Għassa.”