Internazzjonali

It-Tajwan: Evakwazzjonijiet fost il-qilla tat-tifun

Eluf ta’ nies  kienu evakwati mill-artijiet tal-kosta u diversi reġjuni tat-Tajwan li ntlaqtu mill-elementi tat-Tifun Fung-wong li kien qed javvanza mid-direzzjoni tal-Filippini….Dan waqt li t-tifun qajjem il-mewġ enormi madwar il-kosta, fost l-inżul qawwi tax-xita qalb iz-zoni tal-pajjiż iddominati mill-muntanji.

L-ewwel mewġa ta’ maltemp laqtet il-belt tal-port ta’ Kahosiung fost indikazzjonijiet  li t-tifun kien se jaqsam min-naħa t’isfel tat-Tajwan lejn l-Oċean tal-Paċifiku. Intant, il-provinċji ta’ Taitung u Hualien mistennija jġarrbu l-agħar impatt tal-elementi.

Il-President tat-Tajwan, Lai Ching-te, wissa biex in-nies iżommu ‘il bogħod mill-artijiet tal-kosta, iz-zoni tal-muntanji u nħawi oħra bl-akbar potenzjal ta’ periklu – bl-iskejjel ma jiftħux bħas-soltu. Dan waqt li r-rapporti referew ukoll għall-għexieren tal-midruba.

Fl-aħħar jiem, dan it-tifun kien qatel talanqas 20 fil-Filippini u x-xjenzati, illum, qed iwissu li l-maltempati ta’ din il-qilla qed isiru dejjem aktar spissi minħabba l-bidliet fil-klima li qed ikunu xprunati mill-bniedem, permezz tal-attività industrijali.