Filwaqt li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied jidher li qed iżomm f’Gaza, komplew jiżbruffaw l-inċidenti vjolenti fix-Xatt tal-Punent – fejn gruppi ta’ residenti Lhud qed imexxu l-attakki fuq ir-residenti Palestinjani waqt l-istaġun għall-ħsad agrikolu fit-territorji.
Fl-aħħar sigħat, il-gruppi tar-residenti Iżraeljani armati taw in-nar lil maħżen tal-Palestinjani, waqt li rrepetew l-attakk qalb villaġġ tal-Bedwini kif ukoll fl-artijiet agrikoli lejn it-Tramuntana tax-Xatt tal-Punent.
Diversi villaġġi u bliet fix-Xatt tal-Punent kapaċi jispiċċaw mira għal aktar attakki fil-ġranet li ġejjin, meta l-livell tal-vjolenza xprunata mir-residenti Lhud fl-inħawi hu l-ogħla għal kważi 20 sena.
Iżrael bena madwar 160 zona tal-housing għal madwar 700,000 Lhud mindu l-qawwiet tiegħu okkupaw ix-Xatt tal-Punent u Ġerusalemm tal-Lvant…Il-Palestinjani jridu dawn l-artijiet u Gaza għal Stat tal-futur u meta hu kalkulat li qed jgħixu mat-3.3 miljun minnhom qalb dawn iz-zoni.
Ir-residenzi tal-Lhud huma illegali taħt il-liġi internazzjonali u l-aħħar inkwiet qed iħasseb sew lill-osservaturi barranin.
Uħud mill-akbar attakki tal-aħħar sigħat tmexxew minn għexieren ta’ Lhud mgħammdin fl-inħawi lejn il-lvant ta’ Tulkarm u qalb iz-zoni ta’ Beit Lid. Qed jiċċirkulaw ukoll il-filmati tat-tined qed jaqbdu fil-villaġġ ta’ Deir Sharaf fejn irrolikaw it-tribujiet tal-Bedwini.
Intant, Muayyad Shaaban, Ministru tal-Awtorità Palestinjana li jmexxi l-Kummissjoni għar-Reżistenza, qed jgħid li l-attakki fix-Xatt tal-Punent huma parti minn kampanja tal-Iżraeljani biex jiġġeneraw ‘ambjent ostili xprunat mit-terrur u l-intimidazzjoni’.
Min-naħa tagħhom il-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani qalu li t-truppi tagħhom marru qalb iz-zoni tal-inkwiet fix-Xatt tal-Punent bil-ħsieb li jberrdu s-sitwazzjoni – u fejn arrestaw diversi ċivili Iżraeljani. Jidher ukoll li gruppi ta’ residenti, imbagħad, attakkaw lis-suldati u anki wettqu l-ħsarat f’xi vetturi militari.
Tkellem il-President Iżraeljan, Isaac Herzog, li fisser l-inċidenti fix-Xatt tal-Punent bħala ‘serji u xokkanti’… Herzog qal li l-Gvern Iżraeljan ma japprovax dawn l-azzjonijiet li, fi kliemu, twettqu minn ‘grupp ta’ individwi vjolenti u perikolużi’.
Madankollu, il-grupp Iżraealjan Yesh Din li jħares id-drittijiet tal-bnedmin, qed jgħid li ma waslu mkien mal-94 fil-mija ta’ madwar 1,800 investigazzjoni tal-pulizija rigward ir-reati kommessi mill-Iżraeljani fil-konfront tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent. L-istatistika turi li l–investigazzjonijiet inkwistjoni saru kollha bejn l-2005 u l-2024.
//= $special ?>

