Carm Mifsud Bonnici, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal fil-parlament li jeħtieġ li jkun hemm iktar diskussjoni dwar dak li jkun qed iseħħ fl-UE.
Carm Mifsud Bonnici qal li jeħtieġ viżjoni ċara tal-istrateġija ta’ Malta fl-UE u appella biex Malta tinsisti anki mal-UE dwar l-importanza ta’ direzzjoni korretta; dan billi Malta għandha anki tmiss il-kuxjenza Ewropea. Hu qal li għad fadal mentalità li dak li jseħħ fl-UE ma jikkonċernax lill-Gvern Malti tant li fil-parlament ma ssirx diskussjoni biżżejjed dwar l-UE.
Id-deputat Nazzjonalista ppropona li anki l-ministri jagħmlu stqarrijiet ministerjali meta jattendu laqgħat fl-UE biex b’hekk tissaħħaħ it-trasparenza politika fl-iżvilupp politiku; kif isir fil-pajjiżi kollha Ewropej.
Carm Mifsud Bonnici kompla li ċertu ministri mhumiex jużaw tajjeb biżżejjed il-fondi mill-UE. Għandha tingħata l-ikbar attenzjoni għall-istrateġija għalkemm hu ferm importanti li Malta tiġġenera l-flus mill-attività tagħha stess. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-iżvilupp tal-ekonomija Maltija hi prti integrali mill-elementi pożittivi tal-UE.
Meta semma’ d-difiża, Carm Mifsud Bonnici qal li din hi sfida li trid tingħata attenzjoni għaliex minn żona kbira ta’ paċi, l-UE qed tinvesti fid-difiża. Id-deputat Nazzjonalista qal li Malta għandha tibqa’ pajjiż newtrali iżda għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi li qed tgħix l-UE; Malta għandha tinsisti bil-vuċi tagħhha dwar il-paċi.
Carm Mifsud Bonnici semma’ l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajina u qal li din qed toħloq problemi kbar. L-UE se tun qed talloka iktar flus fid-difiża u fil-militar u għalhekk Malta għandha tara li ma tkunx żvantaġġjata fil-kuntest tal-fondi. Hu qal li hemm min għandu aġenda li d-demokrazija fl-UE tispiċċa u żied li hemm konflitt kbir fid-dinja bejn dawk favur id-demokrazija u dawk li jemmnu fil-poter u li jiddominaw.
//= $special ?>

