Lokali

Kumpanija ordnata tħallas €87,000 lil Malta Dairy Products Ltd. għall-prodotti tal-ħalib

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili – preseduta mill-Imħallef Miriam Hayman, iddikjarat li l-kumpanija S&E Limited hija debitriċi lejn il-kumpanija Malta Dairy Products Limited għall-ammont ta’ €87,596.10, li jirrappreżenta bilanċ ta’ ħlasijiet dovuti għal prodotti tal-ħalib u prodotti relatati li kienu ġew ikkunsenjati lill-kumpanija S&E Limited fuq l-ordnijiet tagħha stess.

Fil-proċeduri, Malta Dairy Products Limited spjegat li għal snin twal kienet qed tforni prodotti tal-ħalib lil S&E Limited biex dawn jintużaw fil-produzzjoni ta’ ikel għall-bejgħ, iżda fl-aħħar xhur din waqfet tħallas u akkumulat dejn sostanzjali. Minkejja diversi talbiet u ittra legali mibgħuta fis-17 ta’ Novembru 2023, il-kumpanija baqgħet ma tħallasx.

Il-Qorti osservat li s-soċjetà S&E Limited kienet ġiet notifikata bil-proċedura normali iżda naqset milli tippreżenta risposta ġuramentata. Fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2025 kien anke ġie vverbalizzat li l-kumpanija ma kinitx qed tikkontesta l-kawża, u kien preżenti wieħed mid-diretturi tagħha, Edgar Buttiġieġ.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti spjegat li l-kontumaċja (in-nuqqas ta’ risposta minn naħa tal-konvenut) ma tfissirx rebħa awtomatika għall-parti li ressqet l-azzjoni. Madankollu, jibqa’ l-obbligu fuq min jressaq it-talba li juri bil-provi li l-pretensjoni tiegħu hi probabbilment vera u sostenibbli. F’dan il-każ, il-Qorti rat li l-provi tal-kumpanija rikorrenti kienu suffiċjenti u li ma kien hemm ebda elementi li jikkontestawhom.

Għaldaqstant, il-Qorti ikkundannat lil S&E Limited biex tħallas l-ammont ta’ €87,596.10 lil Malta Dairy Products Limited, flimkien mal-imgħax ta’ 8% mid-data ta’ kull fattura sa meta jsir il-ħlas effettiv, kif ukoll bl-ispejjeż kollha tal-kawża, inkluż dawk tal-mandat kawtelatorju li kien ġie ppreżentat konġuntament mar-rikors. Is-sentenza ngħatat L-Erbgħa – 12 ta’ Novembru mill-Imħallef Miriam Hayman.