Ħafna drabi, fil-politika hemm il-linja li tifred lil dawk li jemmnu u jwettqu minn dawk li jiddikjaraw il-ħafna imma li ma jrenduhx
Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali,
l-Identità Nazzjonali u d-Djalogu Interkulturali
- Hemm ambivalenzi varji f’dan, iktar u iktar fis-soċjetà demokratika tagħna. Il-poplu però, bi dritt jippretendi li dak li niddikjaraw fuq dan, wara nwettquh lura. Anke jekk f’dan, il-partiti li huma rappreżentati fil-Parlament jidhru li qed jaqblu, hemm mumenti meta jinfirdu fl-implimentazzjoni tal-atti.
Ngħid aktar dan fil-konfront tal-libertà tal-espressjoni u l-għarfien li ebda soċjetà moderna ma tista’ timxi jekk ma jkollhiex l-istampa li tippubblika regolarment il-gazzetti.
Huwa fil-fatt magħruf kemm huwa diffiċli għalihom li jkampaw u li jirnexxilhom ivinċu fl-ispejjeż. Dan quddiem dawk li dejjem huma aktar ogħla u li qed jixtruhom inqas bnedmin.
Preġudizzji
- F’dan hemm forom varji ta’ preġudizzji, uħud kontra l-gazzetti politiċi u oħrajn minn ideat soċjali oħra. Fosthom li dawk li jużaw il-lingwa Ingliża huma aħjar minn dawk bil-Malti. Dan huwa ostaklu li wieħed irid jindirizzah u jirbħu.
Imma huwa iktar ċar li hemm verament bżonn ta’ kampanja sabiex il-poplu jiġi mħajjar jixtrihom. Hemm ukoll aktar lok ta’ sostenn finanzjarju. Ma nistgħux naħsbu li jkollna soċjetà demokratika jekk il-gazzetti jisparixxu miċ-ċirkolazzjoni.
Huwa f’dan, anzi, dmir ta’ kull Gvern li jassigura u jara li jkun hemm sostenn kontinwu. Iva, mhux kulħadd jieħu gost jiġi kkritikat, speċjalment dawk fil-poter li jibdew, maż-żmien, jaraw anki lil dawk li mhumiex hekk, kontra tagħhom.
Biex jimxi ’l quddiem, Gvern irid ikollu vuċijiet kontra tiegħu u iktar ma jkunu sodi fil-ħsieb u r-raġunar tagħhom tant aħjar, biex il-politika tiegħu tkun aqwa.
1 ta’ Ottubru 2023
- Fid-dawl tal-piżijiet li l-gazzetti lokali għaddew minnhom tul il-Pandemija kien ġie ffirmat ftehim bejn numru minnhom biex jinqasmu bejniethom nofs miljun ewro.
Meta tikkunsidra l-prinċipju, ma hemmx dubju li wieħed jaqbel li jsir ħlas simili. Meta tiġi fuq l-ammont maħruġ wieħed irid jirrimarka li dan huwa baxx ħafna. Mhux biss fil-valur, li b’xi mod inqasam, imma iktar ukoll għax dan seħħ darba waħda biss u xejn aktar.
Kien jimmerita, u għadu jimmerita, li jkun hemm għajnuna finanzjarja kontinwa li tassisti u tkun adegwata għaċ-ċirkostanzi sħaħ ta’pajjiżna. B’hekk għandna nassiguraw li jkun hemm kontinwazzjoni u mhux biża’ kontinwu li ser naraw it-tmiem ta’ gazzetta jew oħra.
Jekk hemm min jaħseb li jista’ jogħrok idejh fuq dan, ikun żbaljat. Jekk irridu ngħixu kwalità ta’ ħajja tajba f’soċjetà libera u ġusta għandna bżonn gazzetti li jkunu f’pożizzjoni li jwettqu xogħolhom sew.
Fil-ħsieb
- F’din il-linja ħassejt, tul dan il-perjodu politiku tiegħi, li jekk irrid ngħin, irrid nikteb. M’għandix nistenna jew nippretendi li niġi rappurtat f’ħidmieti.
Għandi nħares li għandi dmir u dover li kemm nista’ u b’mod regolari nibgħat l-opinjonijiet tiegħi fuq dak li nara, naħseb u naqra. Naf li hemm min jaqrani u li hemm min le.
Imma dan ma jaqtagħlix qalbi jew iżommni lura milli ngħin sabiex il-gazzetta tibqa’ toħroġ. Jekk il-Gvern ma tantx jieħu ħafna pjaċir b’kitbieti ngħid li nkun qiegħed nassigura li b’xi mod ħidmietu tkun aħjar.
Sija biex jasserixxi l-punt tiegħu, sija biex jagħmlu aħjar milli huwa. Dan huwa proċess li nittama li nibqa’ nżomm anki jekk hemm mumenti meta ma nkunx nista’. Jekk inħobb id-demokrazija f’pajjiżi oħra, irrid nagħmel ħilti u nagħti sehmi biex ikollna l-istess f’pajjiżna. U jekk nippretendi li oħrajn jiktbu, irrid nibda jien l-ewwel bil-kitba tiegħi.
Sforz
- Il-kitba lil kull politiku tgħinu jkun aħjar milli hu. Diffiċli biex iġib ruħu jwettaq dan, imma daqshekk ieħor utli għalih li jġib ħsibijietu fl-ordni loġika. Politiku li jikteb jista’ jiġi attakkat, imma ċertament iktar, rispettat.
Għandu l-ideat u l-kuraġġ li jiktibhom pubblikament. Min jivvutalu jaf kif jaħsibha. Xenarju tajjeb u li għandu jiġi sostnut sew. Proprju għax hemm każijiet fejn jekk ma nintervjenux ma jiġux reżi l-ġustizzja u l-ħidma t-tajba li għandna bżonn bħala soċjetà.
Ombudsman
- Ngħid iktar dan fid-dawl ta’ aħbar li ħarġet mingħajr ħafna importanza iżda li għandha tinkwetana. Fil-fatt ħarġet f’dawn il-jiem l-aħbar li l-Uffiċċju tal-Ombudsman irrefera każ wara li ma ġietx implimentata deċiżjoni tiegħu lill-Uffiċċju tal-Ispeaker.
Il-gazzetta magħrufa, mixtrija u moqrija sew, forsi aktar minn dak li ħaddieħor fil-poter jaħseb, Il-Leħen, f’dan ingħatat raġun. Avolja hija gazzetta rikonoxxuta mil-liġi u ilha tiġi stampata mill-1928 ġiet iddiskriminata mill-Gvern għax ma ġietx mogħtija l-għajnuna li ngħataw il-gazzetti l-oħra fil-ftehim tal-1 ta’ Ottubru. Id-deċiżjoni hija ċara ħafna u wara li investigat sew il-każ tgħid hekk:- “Issib li l-allegazzjoni tal-Azzjoni Kattolika ta’ Malta li l-Ministeru mexa b’mod inġust u diskriminatorju huwa ġustifikat.
Nirrakkomanda li l-Ministru jħallas wara kalkolazzjoni retta li hemm bżonn lill-A.K.M. bħala għajnuna finanzjarja fid-dawl tal-iskema li ġiet formalizzata mill-ftehim tal-1 ta’ Ottubru 2023.”
Martin Niemoller (1892-1984)
- Niftakru f’dak li dan il-bniedem kien qalilna. Fi ftit kliem: jekk ma nitkellmux għall-oħrajn meta jitwarrbu, nispiċċaw fl-aħħar waħedna meta jieħdu lilna wkoll. Ngħid dan fuq żewġ livelli: l-ewwel, għax ma ppretendejtx li Gvern li jiddikjara ruħu tant favur il-gazzetti għandu jinjora, żbaljatament, rakkomandazzjoni li ngħatat fis-27 ta’ Mejju, ħames xhur ilu; u t-tieni, għax proprju ma tantx rajt attenzjoni għal din ir-rakkomandazzjoni fil-gazzetti lokali. Ħafna njorawha u ma daħlux fiha fl-importanza li timmerita.
Din mhix difiża sempliċi ta’ gazzetta Kattolika, imma hija fil-verità dik tal-protezzjoni fundamentali tal-ġurnaliżmu u tal-libertà tal-istampa.
Dik li tassigura li Il-Leħen, proprju għax hija gazzetta daqs l-oħrajn, tiġi stmata u protetta daqs l-oħrajn. Proprju għalhekk qiegħed nikteb dwar dan għax kull min iħobb id-demokrazija vera u mhux apparenti f’pajjiżna għandu interess li sseħħ ġustizzja.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 9 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

