Opinjoni

OPINJONI: Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE

Il-politika ta’ koeżjoni hija storja ta’ suċċess Ewropew li tgħaqqad bejn il-prinċipji tal-ekonomija u dawk tas-solidarjetà

Graham Bencini
Shadow Minister
għas-Sigurtà Soċjali
u l-Fondi Ewropej

Fil-jiem li għaddew ipparteċipajt u indirizzajt il-Konferenza Nazzjonali bit-tema ‘Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea f’Malta – Benefiċċji u Opportunitajiet’.
Dan għamiltu fir-rwol il-ġdid tiegħi bħala x-Shadow Minister għas-Sigurtà Soċjali u l-Fondi Ewropej u f’din il-Konferenza Nazzjonali tkellimt dwar il-ħtieġa li nkomplu nużaw il-fondi Ewropej b’mod strateġiku biex insaħħu l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna.
Il-Malta li nixtieq nara jien hi Malta li tħaddan l-innovazzjoni, tirrispetta l-ambjent u tħares lejn il-bniedem bħala ċ-ċentru tal-progress, u nħares lejha bħala opportunità ta’ għaqda Nazzjonali, fejn ilkoll naħdmu flimkien għal futur ta’ dinjità u prosperità kull ċittadin taghna.
Nemmen li l-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea hija waħda mill-aktar pilastri fundamentali tal-proġett Ewropew.
Din mhix biss strument ta’ finanzjament jew ta’ appoġġ ekonomiku; hija viżjoni politika dwar kif ir-reġjuni kollha tal-Ewropa jistgħu jimxu ’l quddiem flimkien, lejn futur komuni u sostenibbli.
Il-Politika ta’ Koeżjoni hija waħda mill-ikbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea. Hija politika li tħaddan is-solidarjetà u tfittex li tnaqqas id-differenzi fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni, filwaqt li tħeġġeġ tkabbir ekonomiku u soċjali aktar bilanċjat.
Għal pajjiż żgħir bħalma hi Malta, din il-politika kienet u tibqa’ għodda ċentrali biex insaħħu l-kompetittività, l-innovazzjoni u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna. Matul is-snin, grazzi għall-fondi Ewropej, rajna titjib konkret fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fl-ambjent u fl-iżvilupp lokali.
Dawn l-investimenti kienu investimenti fis-soċjetà tagħna, li taw opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, ta’ tagħlim u ta’ parteċipazzjoni soċjali.
Illum, hekk kif l-Unjoni Ewropea tħares lejn il-prijoritajiet il-ġodda tagħha, fosthom il-bidla ekoloġika u diġitali, irridu niżguraw li Malta tibqa’ pass pass ma’ dawn l-iżviluppi.

Ninvestu fl-enerġija nadifa

Il-fondi ta’ koeżjoni għandhom jintużaw b’mod strateġiku biex inkomplu ninvestu fl-enerġija nadifa u fit-taħriġ tal-ħaddiema tagħna għal ekonomija moderna u sostenibbli.
Dan jeħtieġ ukoll ippjanar fit-tul u viżjoni ċara dwar x’tip ta’ Malta rridu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin: Malta li tħaddan l-innovazzjoni, tirrispetta l-ambjent u tħares lejn il-bniedem bħala ċ-ċentru tal-progress. F’dan il-kuntest, irrid ukoll insellem il-ħidma tal-Parlament Ewropew, b’mod partikolari taħt il-presidenza tal-President Roberta Metsola, Maltija bħalna, li b’mod ċar qed tħeġġeġ simplifikazzjoni u tnaqqis fil-burokrazija relatata mal-fondi tal-Unjoni Ewropea.
Dan l-isforz qed jgħin biex il-proċessi jsiru aktar aċċessibbli, effiċjenti u trasparenti – ħaġa ta’ valur kbir għal pajjiżi bħal tagħna, fejn ir-riżorsi amministrattivi huma limitati.
Il-Politika ta’ Koeżjoni għandha wkoll dimensjoni usa’ u aktar profonda. Din il-politika torbotna flimkien u tgħaqqad lill-Ewropej mal-Ewropa.
Tgħin lit-territorji u r-reġjuni jinfetħu għall-potenzjal tagħhom, jiġbdu t-talent, iħeġġu l-innovazzjoni, u jiżguraw li n-nies ikollhom id-dritt jibqgħu u jibnu futur fejn twieldu.
Din il-politika għandha wkoll rwol edukattiv u soċjali. Hija tgħin biex iż-żgħażagħ tagħna jaraw l-Ewropa mhux biss bħala istituzzjoni, imma bħala spazju ta’ opportunità.

Inkunu mudell pożittiv
Permezz tal-fondi Ewropej, jistgħu jieħdu sehem f’inizjattivi ta’ taħriġ, xogħol, riċerka u innovazzjoni li jsaħħu l-ħiliet tagħhom u jħejjuhom għall-ekonomija tal-futur.
Huwa għalhekk li l-koeżjoni trid titqies bħala investiment fil-ġenerazzjoni li jmiss, mhux sempliċement bħala allokazzjoni finanzjarja.
Bħala pajjiż membru, Malta għandha l-opportunità tkun mudell ta’ kif il-fondi Ewropej jistgħu jintużaw b’mod effiċjenti u b’viżjoni fit-tul.
Għandna nkomplu nsaħħu l-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku, il-komunitajiet lokali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili, biex flimkien niżguraw li l-fondi jaslu fejn huma meħtieġa l-aktar u jkollhom impatt reali.
Il-Politika ta’ Koeżjoni hija storja ta’ suċċess Ewropew li tgħaqqad bejn il-prinċipji tal-ekonomija u dawk tas-solidarjetà.
Bħala r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni, inħares lejha bħala opportunità ta’ għaqda nazzjonali – fejn ilkoll nistgħu naħdmu flimkien biex inkomplu nagħmlu minn Malta pajjiż li jsaħħaħ il-valuri Ewropej, jagħraf l-importanza tal-kooperazzjoni, u joffri futur ta’ dinjità u prosperità lil kull ċittadin taghna.

Lenti fuq…

■ L-Unjoni Ewropea, sa minn meta twieldet, dejjem ibbażat fuq il-prinċipju importanti tal-koeżjoni bejn il-pajjiżi membri biex tikber u tirnexxi.
Dan il-prinċipju hu rifless fi kliem Robert Schuman, li fl-1950 ħareġ bl-idea ta’ Ewropa magħquda, “L-Ewropa ma ssirx f’daqqa waħda, jew skont pjan wieħed. Tinbena fuq kisbiet konkreti li qabel kollox joħolqu solidarjetà de facto”.
Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE tkopri terz tal-baġit tagħha għall-perjodu 2021-2027, jiġifieri €392 biljun. Hija l-iktar espressjoni ta’ solidarjetà evidenti fl-UE.
Din il-politika mhix biss murija fl-appoġġ finanzjarju lil dawk l-Istati Membri li huma inqas żviluppati, imma hija wkoll dwar il-qsim tal-esperjenzi u l-għarfien, il-koperazzjoni territorjali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet. Fl-aħħar mill-aħħar, il-politika ta’ koeżjoni hi mmirata għall-bini ta’ Ewropa intelliġenti, ekoloġika, iktar konnessa, iktar soċjali, u qrib in-nies.
Il-Politika ta’ Koeżjoni titħaddem permezz ta’ fondi partikolari: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – maħsub biex isiru investimenti fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-reġjuni u l-bliet fl-UE, il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) – li jinvesti fl-ambjent u t-trasport, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE+) – li jappoġġja l-impjiegi u joħloq soċjetà ġusta u inklussiva fil-pajjiżi tal-UE, u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (FTĠ) – li jappoġġja reġjuni li huma l-iktar milquta mill-bidla għan-newtralità tal-klima u jgħin lin-nies jadattaw għal suq tax-xogħol dejjem jinbidel.
2021-2027
Għall-perjodu 2021-2027, l-ammonti allokati għal Malta taħt dawn il-programmi ta’ fondi huma kif ġej: FEŻR – €766 miljun; FK – €194 miljun; FSE+ €205 miljun; FTĠ €33 miljun.
Minn stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru dwar l-għarfien u l-perċezzjoni taċ-ċittadini Ewropej fuq il-politika ta’ koeżjoni tal-UE juri li 79% tal-Ewropej li ħadu sehem, jemmnu li l-fondi tal-UE għandhom impatt pożittiv fuq pajjiżhom u fuq ħajjithom.
98% tal-Maltin li wieġbu għall-istħarriġ jistennew li l-investiment bil-fondi tal-UE jsir l-ewwel fl-ambjent, imbagħad fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fl-infrastruttura soċjali, u fl-enerġija nadifa u rinnovabbli. 91% għażlu l-appoġġ lin-negozji żgħar u medji u r-riċerka u l-innovazzjoni.
Kollox ma’ kollox, il-politika ta’ Koeżjoni tal-UE hija mmirata għan-nies; biex ittejjeb il-kwalità ta’ ħajja tagħhom, toħloq il-kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli u l-impjiegi, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-benesseri u l-kwalità tal-ambjent fl-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 9 ta’ Novembru, 2025.