Opinjoni

OPINJONI: Is-serqa li għal Abela hija ‘ħrafa’!

Tgħid Robert Abela għandu xi “patt imxajtan” ma’ ta’ qablu biex jiddefendih akkost ta’ kollox anke jekk il-poplu Malti jmur minn taħt?

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Il-kontroversja dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet ta’ Malta – li kienet ingħatat l-ewwel lil Vitals Global Healthcare (VGH) u aktar tard ġiet trasferita lil Steward Health Care – saret waħda mill-ikbar kriżijiet politiċi lokali matul dawn l-aħħar snin, u llum qiegħda tinbidel f’mażżra mal-poplu Malti li qiegħed jerfa’ l-piż finanazjarju ta’ kuntratt li mill-bidu nett kien evidenti li kien frawdalenti. Dak li beda bħala wegħda biex jiġi modernizzat is-sistema tas-saħħa tal-pajjiż issa nbidel f’battibekk politiku li minnu, skont kif anke kkonfermaw il-gazzetti lokali kollha din il-ġimgħa, it-tellief minn dan kollu huwa biss il-poplu Malti u Għawdxi.
Meta l-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (l-ICC) ħarġet is-sentenza tagħha ta’ arbitraġġ f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Gvern Malti ħabbar ir-rebħa immedjatament, b’Robert Abela jdawwar in-narrattiva minn poplu li tilef il-miljuni għal xi rebħa li ħadd ma jaf x’inhi! Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-istat kien irċieva valur ġust għall-flus imħallsa, dak li sejjaħlu “fair deal” u li ma nstabx li kien hemm frodi, dan fl-istess waqt jinjora żewġ sentenzi storiċi fil-Qrati Malti li jikkonfermaw li l-deal kien korrott mill-bidu sal-aħħar għax kellu kollużjoni bejn il-Gvern Malti u l-kumpaniji li ħadu l-konċessjoni. Madankollu, il-Partit Nazzjonalista qegħdin ninsisti li din is-sentenza ma teħlisx lill-Gvern mir-responsabbiltà tiegħu għax il-legalità u l-moralità mhumiex l-istess ħaġa. Argumentajna u se nkomplu nargumentaw li filwaqt li l-istat seta’ wettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu fuq il-karta, fil-prattika falla lill-poplu Malti għaliex minn dan kollu ma ħadna assolutament xejn! Kien għalhekk tal-mistħija kif il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard fissru din kollha bħala “ħrafa” vvintata mill-Partit Nazzjonalista u minn Adrian Delia. Jekk hu hekk, allura l-Qrati Maltin ivvintaw ħrafa biex jikkundannaw il-ftehim li sar b’mod mill-aktar korrott biex tinħadem serqa minn fuq il-Maltin u l-Għawdxin.

Abela jiddefendi lil Muscat flok lil pajjiżu
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, fid-diskors tiegħu fil-Parlament nhar it-Tnejn, esprima dan is-sentiment b’mod ċar meta qal li l-Gvern Minflok jiddefendi lill-barranin, għandu jiddefendi lill-pajjiż u lin-nies tiegħu. Imma huwa ovvju li Abela jrid jiddefendi lil Joseph Muscat u l-bella kumpanija u jgħatti l-griefex tagħhom meta fl-istess waqt jinħeba wara l-ICC. Kliemu jirrifletti l-frustrazzjoni profonda ta’ ħafna Maltin li għadhom raw b’għajnejhom kif baqa’ qatt ma sar fl-isptarijiet li baqgħu abbandunati u ta’ livell medjokri. Il-Gvern Malti litteralment seraq lill-poplu Malti s-servizz tas-saħħa li kien diġà ħallas għalih meta kien jaf li minn dan kollu mhux se jsir xejn! B’hekk il-poplu Malti llum jista’ jara min rebaħ u min tilef – lil hinn minn kull ġudizzju legali: l-isptarijiet ta’ Għawdex, Karin Grech u St Luke’s baqgħu fl-istess stat li kienu qabel saret il-konċessjoni u għalhekk intenni, il-poplu Malti tilef u l-Gvern Laburista ta’ Muscat u Abela huwa kompliċi! Skont iċ-ċifri żvelati fil-proċeduri tal-ICC, il-Gvern ħallas lil Steward madwar €884.6 miljun u rċieva servizzi ta’ valur ta’ €889.4 miljun — differenza ta’ €4.78 miljun favur l-istat. Il-Prim Ministru uża dawn iċ-ċifri biex jafferma li ma kienx hemm “frodi ta’ €400 miljun,” u ċaħad l-akkużi tal-Oppożizzjoni. Iżda l-argument tagħna jmur lil hinn minn raġunament sempliċi daqstant: jekk l-isptarijiet qatt ma nbnew jew ġew modernizzati kif kien imwiegħed, il-poplu Malti ta’ xiex ħallas?
Fi kliem ieħor, il-prova tal-falliment tidher b’mod sfaċċat u ħadd ma jista’ jinnega. Ma jistgħux jinnegawha dawk li jiġu bżonn is-servizz u jsibuh staġnat minħabba li l-pajjiż kellu jinvesti u baqa’ ma għamel assolutament xejn u ma jistgħux jinnegawha dawk kollha li għandhom ftit sens komun meta jinnutaw li l-isptarijiet baqgħu mingħajr ebda titjib bħalma kien imwiegħed! Il-Gvern kif qatt jista’ jiddikjara li l-fondi ntefqu kif suppost biex sar l-investiment imma mingħajr ma juri r-riżultati konkreti? Iva, għalhekk insostnu li l-poplu Malti kien ingannat minn Muscat, u llum qiegħed ikomplu jkun ingannat minn Abela li jrid jgħatti xtur minn seraq lill-Maltin u lill-Għawdxin.

Il-vittma kien il-poplu Malti
Anki r-rapport tal-ICC jikkonferma li “the prime victims” minn dan kollu kien il-poplu Malti, jiġifieri jqis lill-Maltin li ħallsu l-miljuni minn bwiethom bħala vittmi! Ironikament, vittmi tal-Gvern li seraqhom u li llum qiegħed iwebbilhom li din is-serqa kienet ħrafa! Ħrafa kienet il-ħolma sabiħa li bellagħlna Muscat u Mizzi meta qalulna li għandhom pjan għas-saħħa nazzjonali! Din l-ammissioni waħedha ssaħħaħ il-każ tal- Partit Nazzjonalista. Bħala Oppożizzjoni qegħdin nargumentaw li dan il-ftehim qatt ma kien fl-interess pubbliku iżda kien maħdum bi pjan u bi ħsieb biex jiffroda lill-Maltin, sa mill-bidu tiegħu, biex iservi l-interessi tal-privat li ma kellu la l-esperjenza u lanqas ir-riżorsi biex iwettaq dak li wiegħed. Dan sar b’kollużjoni u bi ħsieb biex jirbaħ minn fuqna lkoll u llum jiġi Robert Abela u jrid jgħidilna li qegħdin noħolmu!
Din il-fehma issa qed tinstema’ wkoll f’investigazzjonijiet internazzjonali. L-Organized Crime and Corruption Reporting Project (OCCRP) żvelat emails li juru li l-kunċessjoni tal-isptarijiet ta’ Malta tal-2015 kienet tinvolvi xibka ta’ ħlasijiet u konsulenti marbuta ma’ persuni b’rabtiet politiċi. L-OCCRP kienu rrapportaw li Malta kienet qablet li tħallas aktar minn €2.1 biljun għall-iżvilupp mill-ġdid tal-isptarijiet – somma esaġerata u ferm ogħla minn dak li qatt fehem il-pubbliku. Dawn kollha jikkonfermaw li l-iskandlu jmur ferm lil hinn minn sempliċi ħadma lokali u jikkonfermaw li kien falliment sistemiku b’dimensjoni internazzjonali maħsub u attwat minn Kastilja!
Barra minn hekk, diversi mezzi tax-xandir barranin enfasizzaw in-nuqqas ta’ kredenzjali ta’ Vitals sa mill-bidu nett. Kif irrappurtat minn bosta sorsi internazzjonali, Vitals Global Healthcare kienet kumpanija ġdida mwaqqfa apposta, bla esperjenza preċedenti fit-tmexxija tal-isptarijiet u madankollu ġiet fdatha l-akbar konċessjoni ta’ saħħa pubblika fl-istorja ta’ Malta. Kif il-Gvern wasal biex afda s-saħħa tal-Maltin f’idejn min ma għandux ħjiel ta’ sptar, jibqa’ misteru li għalih irid iwieġeb Robert Abela! Dan waħdu juri negliġenza gravi u irresponsabbiltà politika: il-Gvern mhux biss seraq flus il-Maltin imma seraq flus il-Maltin biex ibigħ saħħithom lill-barrani li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu!

Dak il-patt imxajtan
Fil-passat rajna kif rapportar internazzjonali wkoll jagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista. F’Mejju tal-2024, Reuters irrappurtat li d-Deputat Prim Ministru preċedenti Chris Fearne rreżenja minħabba l-iskandlu nnifsu. Fl-istess żmien, The Guardian żvela li l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, flimkien ma’ uffiċjali oħra, ġie akkużat formalment b’korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus relatati mal-ftehim tal-isptarijiet. Allura, dan kollu għaliex sar Robert Abela? Tgħid Robert Abela għandu xi “patt imxajtan” ma’ ta’ qablu biex jiddefendih akkost ta’ kollox anke jekk il-poplu Malti jmur minn taħt?
Inħalli għalhekk f’idejn il-qarrejja biex jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 12 ta’ Novembru, 2025.