Il-kwiekeb jiddu normalment u bir-raġun nassoċjawhom mal-Milied. Proprju għalhekk il-kumpanija Teatru Rjal għażlet dan l-isem għal serata mużikali spettakolari fil-jiem sbieħ tal-Milied, preċiżament fil-21 ta’ Diċembru fit-teatru prestiġjuż ta’ Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta.
Imma l-kumpanija Teatru Rjal, fit-33 sena mit-twaqqif tagħha, ma ridetx tippreżenta biss spettaklu mużikali li jagħti gost lill-udjenza preżenti. Kull min ġieli attenda produzzjonijiet ta’ din il-kumpanija jaf li l-ispettaklu se jkun wieħed garantit. Imma d-direzzjoni riedet tagħmel pass ieħor ma’ dan. Fil-fatt il-ħsieb tal-organizzaturi wara l-isem ‘Jiddu l-Kwiekeb’ huwa li din is-serata tkun dedikata għal dawk il-persuni li minn wara l-kwinti jaħdmu matul is-sena kollha biex jagħmlu l-ħajja ta’ persuni fil-bżonn ftit inqas diffiċli.
Fost il-ħafna għaqdiet u organizzazzjonijiet li hawn f’pajjiżna, ċertament hemm dawk li jaħdmu biex jinġabru fondi b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, taħt it-tmexxija tal-President ta’ Malta, organizzazzjoni li l-ġid li tagħmel ma’ persuni u tfal morda matul is-sena kollha ma jistax jiġi kalkulat jew apprezzat biżżejjed. ‘Jiddu l-Kwiekeb’ irid jagħti r-rikonoxximent tiegħu lil dawn il-persuni li verament huma kewkba li tiddi u titfa’ raġġ ta’ tama għal min hu fil-bżonn mhux fil-Milied biss imma matul is-sena kollha.
L-organizzaturi ħabbru diġà li parti mid-dħul ta’ din il-produzzjoni se jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund. Fil-fatt l-attività se ssir taħt il-patroċinju distint tal-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
‘Oh Holy Night’, ‘When a Child is Born’ u ‘Ħelu Bambin’ se jkunu fost is-siltiet assoċjati mal-festi sbieħ tal-Milied li se jferrħuna matul din il-lejla. Se jkunu inklużi wkoll siltiet mużikali oħra Maltin u internazzjonali interpretati minn kantanti professjonali li żgur se jallegraw lill-udjenza preżenti u jġegħluha tkanta magħhom.
Biżżejjed wieħed isemmi ismijiet bħal Neville Refalo, Pamela, Petra, Ludwig Galea, Glen Vella, Ozzy Lino, J Anvil, Mark Tonna, Amber, Mariah u Sarah Micallef Muscat flimkien mal-kor popolari VOCA taħt id-direzzjoni ta’ Nathalie Camilleri u Lara Bonnici kif ukoll il-kor sabiħ tat-tfal bl-isem ‘Future Voices’ immexxi minn Iona Dalli u Maria Bellia u orkestra ta’ għaxar elementi taħt id-direzzjoni tas-Surmast Conrad Briffa, biex ikollu garanzija ta’ spettaklu mill-isbaħ u ta’ livell bla preċedent fil-produzzjonijiet imtellgħa mill-kumpanija Teatru Rjal.
U dan mhux kollox. Minn ħin għal ħin, fost sorpriżi oħra, jitfaċċa fuq il-palk ukoll l-attur komiku popolari Rodney Gauci.
Bħall-produzzjonijiet kollha tal-kumpanija Teatru Rjal, serata bħal din minbarra l-livell tal-mużika u l-kant, se tkun animata u kompluta wkoll bi spettaklu ta’ dwal u projections li jagħmlu l-esperjenza ta’ dawk preżenti waħda li ma tintesiex malajr.
‘Jiddu l-Kwiekeb’ se ssir fuq serata waħda biss u għalhekk il-kumpanija Teatru Rjal qed tappella biex wieħed jaħseb kmieni għall-biljetti tiegħu. Il-booking diġà jinsab miftuħ minn fuq ktrmalta.com jew permezz tan-numru tat-telefon 99476468.
//= $special ?>
