Raġel li kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li kien qed isuq taħt l-influwenza tax-xorb inħeles mill-Appell fuq il-bażi ta’ xhieda inkonsistenti ta’ surġent tal-pulizija, u dan wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ħassret is-sentenza ta’ l-ewwel istanza.
Mario Spiteri kien ġie ordnat iħallas multa ta’ €1,800 u ġie skwalifikat mis-sewqan għal sitt xhur wara li maġistrat sabu ħati ta’ sewqan taħt l-influwenza, nuqqas ta’ kontroll tal-vettura, u li kien fis-sakra f’post pubbliku.
Il-każ jmur lura għall-5 ta’ Mejju 2024, meta għall-ħabta tat-3.15pm il-pulizija ġew infurmati li kien hemm sewwieq apparentement fis-sakra fi Triq l-Industrijali, f’Ħal Kirkop. Is-sentenza tal-maġistrat kienet ibbażata esklussivament fuq affidavit tas-Serġent Matthew Abela Galea, li sostna li ma setax jagħmel test tal-breathalyser fuq Spiteri għax dan beda jirremetti.
Il-pulizija qalet li sabet lil Spiteri fil-karozza tiegħu bil-magna mixgħula u li dan waqa’ mal-art meta niżel mill-vettura. Madankollu, waqt il-kontro-interrogazzjoni, is-surġent biddel il-verżjoni tiegħu u qal li sab lil Spiteri wieqaf ħdejn il-karozza tiegħu, li kienet imwaqqfa fit-triq u kienet qed tfixkel it-traffiku, iżda mhix fil-medda tat-triq u bil-magna mitfija.
Id-difiża sostniet li dan id-dettall kien deċiżiv u mar fil-qalba tal-akkużi, billi l-unika xhieda prodotta kienet dik tal-istess surġent. L-avukati tal-imputat enfasizzaw li l-prosekuzzjoni ma ppreżentat l-ebda evidenza oħra bħal ritratti biex turi kif il-karozza kienet qed tfixkel it-traffiku jew li l-akkużat kien effettivament wara l-isteering.
Il-Qorti tal-Appell irrimarkat li s-serġent kien l-uniku xhud fil-proċess u li ma tressqet l-ebda prova diretta li turi li Spiteri kien qed isuq jew li kien fis-sakra waqt li kien fil-vettura. Il-fatt li sabuh ħdejn il-karozza ma jfissirx bilfors li kien il-persuna li kienet issuqha, u għal kundanna bbażata fuq provi ċirkostanzjali, dawn kellhom ikunu univoċi u jippuntaw kollha fl-istess direzzjoni.
Il-Qorti osservat ukoll li l-prosekuzzjoni ma semmietx jekk il-magna kinitx sħuna u lanqas ma pprovat teskludi l-possibbiltà li ħaddieħor seta’ kien qed isuq u telaq minn fuq il-post qabel ma waslu l-pulizija. Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Appell Kriminali qalet li l-ġudizzju tal-ewwel Qorti ma kienx wieħed sigur u sodisfaċenti, u għalhekk ħassret is-sentenza fl-intier tagħha. B’hekk, Mario Spiteri ġie meħlus minn kull akkuża u revokata l-piena li kienet ġiet imposta fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati.
//= $special ?>

