Internazzjonali

Renju Unit: Jiċħad dwar pjan biex iwaqqa’ lill-Prim Ministru Starmer

Ministru ewleini fil-Kabinett Britanniku ċaħad kategorikament li hu parti minn kumplott biex Keir Strarmer jitlef  postu bħala Prim Ministru tar-Renju Unit.

Illum, Starmer għaddej minn żmien diffiċli fost l-arja ta’ rewwixta qalb il-poplu minħabba l-immigrazzjoni bla rażan fil-pajjiż — u meta hu naqas milli jattwa l-wiegħda elettorali għall-iżvilupp ekonomiku kontinwu, fost qabża fiċ-ċifri tal-qgħad.

Sadanittant, is-Segretarju tas-Saħħa Wes Streeting ċanfar lill-media għal dawk li hu fisser bħala ‘kalunji distruttivi fil-konfront tiegħu u tal-Gvern’. Streeting kien qed iwieġeb għall-aħħar rapporti u insinwazzjonjiet li hu jista’ dalwaqt jisfida lil Starmer għat-tmexxija tal-Partit Laburista fil-Gvern.

Fl-istess ħin, is-sostenituri ta’ Starmer wissew li pass bħal dan għandu jwassal biss għall-konsegwenzi negattivi f’diversi oqsma importanti  tal-pajjiż – inkluża l-ekonomija. Huma komplew li jekk Starmer jitneħħa minn Prim Ministru f’ċirkustanzi ta’ diżgwid, is-sitwazzjoni għandha tirrifletti ħażin ħafna fuq ir-Renju Unit f’għajnejn il-komunità internazzjonali.