Raġel ġie kkundannat seba’ snin ħabs wara li nstab ħati li abbuża sesswalment minn tifla ta’ seba’ snin waqt li kienet qed tilgħab noli f’bandli ġewwa l-Fgura. Il-Qorti sabet lil Louis Calleja ħati li qarraq bit-tifla , heddidha u kixef ruħu b’mod indeċenti quddiemha.
Huwa nstab ukoll ħati li offenda l-morali pubbliċi, li reġa’ kkommetta reat u għalhekk sar riċediv u li kiser ordni ta’ probation. Huwa iżda ġie meħlus mill-akkużi ta’ pussess illegali ta’ sikkina u arma tan-nar minħabba nuqqas ta’ prova.
L-ispettur Antonello Magri xehed li l-każ ġie rrappurtat fl-għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid fit-27 ta’ Ottubru 2023 minn mara li allegat li waqt li binha ta’ ħames snin u bintha ta’ seba’ snin kienu qed jilagħbu fil-pjazza Redent Gauci, raġel li kellu baskett isfar mar fejn it-tifla u għamel avvanzi sesswali. It-tifla qalet lil ommha li r-raġel kien ħareġ il-parti intima tiegħu quddiemha.
Il-pulizija, flimkien mal-Ispettur Wayne Buhagiar, immedjatament bdew investigazzjoni u ġabru filmati tas-CCTV miż-żona. Minn dawn il-filmati rrikonoxxew lil Calleja, li kien diġà nstab ħati ta’ reati simili fl-4 ta’ Mejju 2023.
Meta ġie arrestat, Calleja qal lill-pulizija li kien ra lit-tifla u li kien sempliċement mar jgħinha taqfel il-lazz taż-żarbun, iżda ċaħad kull akkuża li għamel xi ħaġa sesswali. Fil-Qorti ħareġ li l-armi li allegatament kellu Calleja – sikkina roża u arma tan-nar – ma dehrux fil-filmati u lanqas instabu waqt tfittxija fid-dar tiegħu.
Minkejja dan, ix-xhieda tat-tifla kienet ċara u konsistenti. Hija rrakkontat li kienet qed tilgħab noli ma’ ħuha u ma’ tifel ieħor, u waqt li kienet qed tistaħba, ir-raġel resaq lejha u qalilha fejn għandha tinħeba. F’dak il-mument niżżel il-qalziet u talabha tmisslu l-parti intima tiegħu. It-tifla ħarbet u marret tgħid kollox lil ommha.
It-tifla semmiet li r-raġel kien liebes qalziet iswed u kellu baskett isfar. Għalkemm inizjalment qalet li kellu flokk iswed, il-filmati wrew li kien liebes wieħed blu. Hija rrikonoxxiet lir-raġel mill-filmati meħuda mis-CCTV. Kienet żiedet ukoll li r-raġel kellu sikkina roża fil-baskett u arma tan-nar fil-but, li qalet li rat meta niżżel il-qalziet, u li kien offrilha jgħinha taqfel iż-żarbun qabel ma espona lilu nniffsu.
Il-Qorti, wara li semgħet ix-xhieda, osservat li l-provi kienu jistrieħu primarjament fuq il-kredibilità tat-tifla, iżda li din kienet konsistenti kemm waqt l-inkjesta kif ukoll waqt ix-xhieda tagħha fil-Qorti. Il-Maġistrat irrimarka li minkejja l-età żgħira tagħha, kienet intelliġenti, kalma u konxja tal-importanza li tgħid il-verità. Il-provi ċirkostanzjali kollha, inkluż il-filmat u l-istorja tagħha, kkonfermaw il-verżjoni tat-tifla.
Minn analiżi tad-data estratta mill-mobile ta’ Calleja, irriżulta li kien ifittex materjal pornografiku li jinvolvi tfajliet adoloxxenti u abbuż sesswali tat-tfal. Il-Qorti osservat li minkejja li kien ingħata ċans jattendi għal trattament kontra d-dipendenza tiegħu, ma kienx għamel dan.
Il-Qorti kkonkludiet li l-verżjoni ta’ Calleja li kien sempliċement mar joqgħod fuq bank kienet falza, u għalhekk sabitu ħati li kkorrompa lit-tifla u li offenda l-morali pubbliċi, kif ukoll li kiser ordni ta’ probation u li reġa’ kkommetta reat.
Minħabba n-nuqqas ta’ prova dwar l-armi, ġie meħlus minn dawk l-akkużi, iżda ġie kkundannat għal seba’ snin ħabs, flimkien ma’ ordni ta’ trattament ta’ ħames snin u biex il-perjodu ta’ probation ta’ tliet snin jerġa’ jibda jiddekorri mill-ġdid. Il-Qorti wkoll ħarġet ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin favur il-vittma, u ordnat li Calleja jkun pPermanentement ipprojbit milli jaħdem jew jokkupa ruħhu f’attivitajiet li jinvolvu kuntatt dirett jew regolari ma’ tfal, kif ukoll li ismu jiġi miżjud mar-Reġistru tal-Offiżi Sesswali.
Huwa ġie ordnat ukoll iħallas €8,557.03 fi spejjeż tal-Qorti. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet il-każ. L-Avukati Jurgen Dalli u Cynthia Tomasuolo mexxew il-prosekuzzjoni għan-nom tal-Avukat Ġenerali u kienu assistiti mill-Ispetturi Antonello Magri u Wayne Buhagiar. L-Avukati Joe Giglio u Michaela Giglio dehru għall-akkużat. L-Avukati Herman Mula u Silvan Pulis assistew lill-vittma.
//= $special ?>

