Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, issospendiet sentenza ta’ priġunerija fil-konfront ta’ Consiglio Bartolo ta’ 54 sena u ibnu Raydon Bartolo ta’ 26 sena, it-tnejn mill-Gudja dwar każ li kien jikkonċerna akkużi ta’ użura, jiġifieri self ta’ flus bi qligħ eċċessiv li jmur ferm lil hinn mir-rata ta’ imgħax permessa mil-liġi.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Qorti, irriżulta b’mod ċar li Consiglio Bartolo kien qed jitħallas mingħand ċertu Raymond Briffa b’rata ta’ imgħax li tmur ħafna aktar mill-8% permess skont il-liġi. Irriżulta wkoll li ibnu Raydon Bartolo kien jaf b’dan kollu, billi kien jaġixxi bħala intermedjarju bejn missieru u Briffa.
Mill-provi prodotti jirriżulta li Raymond George Briffa kien ġie bżonn il-flus għall-ħabta ta’ Mejju 2016 u xehed quddiem din il-Qorti li huwa kien jaf lil Raydon Bartolo u lil missieru. Huwa ikkuntattja lil Raydon Bartoli fuq Facebook fis-sena 2016 u staqsih jekk jafx lil xi ħadd li jista’ jsellfu xi flus u l-istess Briffa jgħid li Raydon issuġġerixxa lil missieru Consiglio biex isellfu l-flus.
Fil-fatt Briffa iddeċieda li jkellem lil Consiglio Bartoli fuq hekk. Briffa jkompli jgħid li Consgilio tah €500 f’Mejju 2016 u sa Lulju 2016 Consiglio talbu lura s-somma ta’ €1,000, somma li Raymond ħallas lura lil Consiglio. F’Settembru 2016 huwa reġa’ issellef €700.
F’Diċembru ta’ l-istess sena huwa ħallas is-somma ta’ €1400. F’Jannar 2017 reġa’ ssellef mingħand Consiglio s-somma ta’ €400 u f’Marżu 2017 ħallas lura €800. F’Lulju 2017 reġa’ issellef €500 u radd lura €1,000 f’Settembru 2017.
F’Jannar 2018 huwa ssellef €1800 u dawn kellhom jintraddu lura sa Mejju 2018, pero’ radd lura €3400 u €400 oħra għax qabeż iż-żmien għax kien talabomlu Consiglio. Briffa reġa’ talab €700 f’Lulju 2018 u kellu jħallas lura lil Consiglio sa Awissu 2018 l-ammont ta’ €1400 u wara li radd lura l-ammont ta’ €100, Consiglio mar għalih id-dar.
Skont il-provi, Briffa kien qed iħallas lura imgħax li jammonta għal madwar 100% fuq is-self li kien ħa, jiġifieri d-doppju tal-ammont misluf. Il-Qorti osservat li kieku kienet tiġi applikata r-rata legali ta’ 8% fis-sena, l-imgħax dovut fuq l-ammonti mislufa bejn Mejju 2016 u Jannar 2018 kellu jammonta għal madwar €312, iżda fil-fatt Briffa ħallas lura total ta’ €3,700 – somma ferm in eċċess mir-rata legali.
Dan wassal lill-Qorti biex tikkonkludi li Briffa kien vittma ta’ użura. Il-Maġistrat irrimarkat li Raydon Bartolo, għalkemm kien jaf bil-ftehim u għen fil-komunikazzjoni bejn missieru u Briffa, ma daħħalx personalment profitt mill-imgħax eċċessiv, iżda kien xorta waħda parteċipi bħala intermedjarju fil-ftehim.
Fir-rigward ta’ Consiglio Bartolo, il-Qorti nnotat li dan kien il-persuna prinċipali li ssellef il-flus u li daħħal il-profitt illegali mill-imgħax. Il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li Raydon Bartolo għandu fedina penali nadifa u li qatt ma kellu problemi preċedenti mal-ġustizzja, filwaqt li fil-każ ta’ missieru Consiglio Bartolo, għalkemm għandu xi każi minuri relatati ma’ nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi u offiżi tat-traffiku, dawn ma kinux ta’ natura serja biżżejjed biex jiġġustifikaw piena ta’ ħabs effettiva.
Fid-dawl ta’ dan kollu il-Qorti sabet lil Consiglio Bartolo u lil Raydon Bartolo ħatja tar-reat ta’ użura u kkundannathom għal piena ta’ 12-il xahar priġunerija kull wieħed, li ġiet sospiża għal perjodu ta’ tliet snin. Barra minn hekk, kull wieħed mill-imputati ġie mmultat €2,500, li għandhom jitħallsu fi żmien xahar mis-sentenza.
Il-Qorti ordnat lil Consiglio Bartolo biex jirrendi lura lil Raymond Briffa s-somma ta’ €2,732 b’mod immedjat, bħala kumpens għall-ammont ta’ imgħax eċċessiv li kien inġabar b’mod illegali. Il-prosekuzzjoni ppreżentat ix-xhieda ta’ Raymond George Briffa li qal li kien talab self mingħand il-Bartolo, iżda li dawn kienu talbuh jirrendi lura l-flus b’interess għoli ħafna u barra minn dak li tippermetti l-liġi.
Briffa sostna li kien jinsab fi stat finanzjarju diffiċli u li kien aċċetta dawn il-kundizzjonijiet minħabba ċ-ċirkostanzi personali tiegħu, iżda li mbagħad induna li kien qed jiġi sfruttat. Id-difiża qajmet diversi punti, fosthom wieħed dwar żball fl-isem tal-imputat iż-żagħżugħ, li kien jissejjaħ “Rayden” f’xi dokumenti tal-prosekuzzjoni minflok “Raydon”.
L-avukati difensuri argumentaw li dan l-iżball seta’ jaffettwa l-validità tal-proċeduri u jixħet dubju dwar l-identità tal-akkużat. Madankollu, il-Qorti kkonstatat li l-identità personali tal-imputat kienet magħrufa u stabbilita b’mod ċar tul il-proċess kollu, u għalhekk dan l-iżball ortografiku ma kienx biżżejjed biex jivvizzja l-proċeduri jew jikkawża preġudizzju lejn id-difiża.
Il-Qorti analizzat bir-reqqa l-provi kollha prodotti, fosthom ix-xhieda tax-xhud prinċipali u kwalunkwe dokument jew evidenza oħra li setgħet tikkonferma jew tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ usura. Hija rrimarkat li f’każijiet ta’ dan it-tip, fejn l-attijiet jseħħu b’ftehim verbali jew fuq bażi ta’ relazzjoni ta’ fiduċja, il-kredibilità tal-partijiet għandha rwol kruċjali. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Claire Vella u
Oriana Spiteri.


