Lokali Qorti

Tħassib dwar l-indħil tal-unjin fil-każ ta’ minuri mqiegħda f’ward għall-adulti fl-Isptar Monte Carmeli

L-isptar Monte Karmeli

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Benessri Soċjali (FSWS) ressqet rikors quddiem il-Qorti sabiex tikseb awtorizzazzjoni biex tieħu passi legali kontra l-Unjin tal-Qwiebel u l-Infermiera (MUMN) b’rabta mal-każ ta’ tifla minuri li ġiet imqiegħda fil-ward għall-adulti fl-Isptar Mount Carmel.

Il-każ tfaċċa wara li l-akkademiku u xandar Andrew Azzopardi wera tħassib serju fuq il-midja soċjali dwar it-trattament li qed tirċievi l-minuri, li minkejja r-rakkomandazzjonijiet mediċi biex tiġi ammessa fit-Taqsima Psikjatrika għaż-Żgħażagħ (YPU), ġiet miżmuma fil-ward għall-adulti.

L-YPU hija faċilità psikjatrika b’liċenzja biex toffri kura residenzjali lil tfal u adoloxxenti b’kundizzjonijiet mentali serji, u hija mgħammra u mmexxija minn professjonisti imħarrġa apposta biex ilaħħqu ma’ każijiet ta’ dan it-tip.

Wara li l-minuri rċeviet kura akuta fl-Isptar Mater Dei, it-tobba u l-psikjatri kkonkludew li l-kundizzjoni tagħha teħtieġ kura speċjalizzata fl-YPU. Minkejja dan, ġie allegat li direttiva maħruġa mill-MUMN ordnat lill-istaff tal-YPU biex ma jaċċettawx lill-minuri, jew saħansitra biex ineħħuha mit-Taqsima jekk tiġi ammessa.

Din id-direttiva effettivament ipprevjeniet lill-minuri milli tirċievi l-kura adattata għall-età u l-kundizzjoni tagħha, u wasslet biex tinżamm fil-ward għall-adulti fil-Mount Carmel Hospital. Skont ir-rapporti mediċi, din il-qagħda kkawżat tbatija psikoloġika kbira lill-minuri, li saħansitra esprimiet xewqat ta’ ħsara personali minħabba l-ambjent mhux adattat u potenzjalment perikoluż li sabet ruħha fih.

Andrew Azzopardi, f’kummenti pubbliċi tiegħu, staqsa għalfejn it-Taqsima li hi ddedikata għall-kura ta’ minuri b’problemi psikjatriċi ma kinitx qed tintuża għal dan l-iskop. Hu sostna li jekk l-YPU hi mgħammra u taħdem kif suppost, m’hemm ebda raġuni għaliex pazjenta minuri ma tiġix ammessa hemmhekk, u li jekk ma tistax tilqa’ każ bħal dan, allura l-problema tinsab fis-sistema u mhux fil-pazjenta.

L-FSWS, fid-dawl ta’ dan, ħadet il-passi meħtieġa biex tħares id-drittijiet tal-minuri għal kura xierqa u adegwata, kif garantiti taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Permezz tar-rikors tagħha, il-FSWS talbet lill-Qorti biex tordna t-trasferiment immedjat tal-minuri lura fl-YPU u biex tagħti awtorizzazzjoni lill-FSWS tieħu azzjoni legali kontra l-MUMN għall-ostaklu li qed tqiegħed għall-kura tagħha.

Il-Qorti, wara li rat ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tat-tobba u l-psikjatri, qalet b’mod ċar li l-post xieraq għall-minuri huwa l-YPU, sabiex tiġi protetta s-saħħa mentali tagħha u l-benessri ġenerali. Fil-konsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti saħqet li d-deċiżjonijiet mediċi u l-interess suprem tal-minuri għandhom jippredominaw fuq direttivi amministrattivi jew sindakali. Għaldaqstant, awtorizzat lill-FSWS biex tipproċedi bi kwalunkwe azzjoni legali meħtieġa kontra l-MUMN, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-ordni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-minuri.

Il-Qorti ordnat ukoll li r-rekord tat-trasferiment tal-minuri lejn l-YPU jitniżżel fil-fajl tal-każ bħala prova ta’ konformità mad-deċiżjoni tagħha. Din is-sentenza tissottolinja l-importanza li l-kura u s-sigurtà tal-minuri jiġu ttrattati bħala prijorità assoluta, u li l-ħtiġijiet kliniċi tagħhom qatt ma jistgħu jiġu kompromessi minħabba direttivi jew kunflitti istituzzjonali.