Ambjent Edukazzjoni Lokali

67 skola rikonoxxuti għall-impenn biex jispiraw lill-istudenti jipproteġu lin-natura


BirdLife Malta ċċelebrat il-31 anniversarju ta’ Dinja Waħda, il-programm edukattiv ambjentali ewlieni tagħha, b’ċerimonja li saret f’lukanda f’San Pawl il-Baħar.
Fiċ-ċerimonja ġew rikonoxxuti l-kisbiet ta’ 63 skola primarja, erba’ skejjel medji u sekondarji, 787 għalliem u 12,560 student u studenta li pparteċipaw fil-programm Dinja Waħda waqt is-sena skolastika li għaddiet.
Sa mill-bidu tiegħu fl-1994, Dinja Waħda kiber minn inizjattiva żgħira għal programm edukattiv ambjentali ewlieni ta’ BirdLife Malta mmexxi f’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Edukazzjoni, u appoġġjat mill-imsieħba tagħna fl-edukazzjoni, il-Bank of Valletta, li wkoll attendew għaċ-ċerimonja.
Il-mistiedna ntlaqgħu mill-mascot tagħna, il-Fjamingju qabel qattgħu ħin jagħmlu numru ta’ attivitajiet li kienu kkordinati mit-timijiet tal-public engagement, tar-riservi u tal-konservazzjoni, li ppromwovew ix-xogħol li tagħmel BirdLife Malta u qajmu għarfien dwar fost oħrajn l-għasafar urbani li jgħixu madwarna.
Iċ-ċerimona ta’ din is-sena ntroduċiet inizjattivi ġodda fl-iskejjel medji u sekondarji, aġġornamenti dwar il-proċess ta’ akkreditazzjoni ta’ dan il-programm u stejjer ta’ suċċess minn numru dejjem jikber ta’ skejjel li qed jnisslu valuri ambjentali fost it-tfal b’dan il-programm.
Il-kelliema tkellmu dwar l-importanza li t-tfal ikunu f’kuntatt man-natura speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn l-ispazji naturali miftuħa qed jgħibu minħabba l-iżvilupp. Waqt l-attività saru numru ta’ preżentazzjonijiet, intwerew filmati u ngħataw unuri u ċertifikati lill-iskejjel għall-impenn tagħhom favur in-natura.
Permezz tal-programm Dinja Waħda, l-għalliema jintegraw attivitajiet ibbażati fin-natura f’lezzjonijiet filwaqt li l-istudenti jitgħallmu kif iħarsu l-bijodiversità ta’ Malta b’diversi attivitajiet prattiċi u azzjoni fil-komunità.
Il-programm qed ikompli jikber u joffri kemm tagħlim fil-klassi kif ukoll barra mill-klassi, permezz tal-pjattaforma online dinjawahda.birdlifemalta.org