Il-ħruġ ta’ informazzjoni personali minn dipartiment tal-gvern ta’ eluf ta’ kumpaniji kif ukoll informazzjoni personali dwar individwi privati li joffru servizzi lil dawn l-istess kumpaniji huwa ta’ tħassib kbir u jolqot fil-qalba tal-fiduċja pubblika.
Kuntrarju għall-impressjoni li ppruvat tingħata fl-istqarrija tal-Gvern fejn qalu li din il-breach effettwat kumpanija waħda, id-data breach ta’ dettalji tat-taxxa tinkludi informazzjoni fuq aktar minn 7,000 kumpanija lokali kif ukoll individwi assoċjati magħhom.
Dan qalu l-PN, fi stqarrija maħruġa mid-deputati Adrian Delia u Jerome Caruana Cilia.
Il-Partit Nazzjonalista qed iżomm lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana responsabbli għal din id-data breach enormi.
Meta kwantità ta’ informazzjoni pubblika tispiċċa fl-idejn bħalma ġara f’dan il-każ, dan ma jkunx żball ta’ individwu, iżda jirrifletti nuqqasijiet sistematiċi fil-mod kif tintuża u tiġi trattata d-data u r-responsabbiltà aħħarija. Informazzjoni dwar in-negozji u data personali tat-taxpayers hija data mill-aktar sensittiva u tista’ twassal għal danni kummerċjali u personali.
Ir-responsabbiltà ta’ dan kollu taqa’ fuq il-Ministru kkonċernat li għandu minnufih jippubblika l-fatti kollha. Għandu wkoll iniedi investigazzjoni indipendenti li tkun separata minn kwalunwke investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data jew tal-Malta Tax and Customs Administration. Il-Ministru għandu jkun ċar dwar x’wassal għal din id-data breach u x’azzjoni ta’ rimedju ttieħdet.
Il-pubbliku għandu d-dritt ikun jaf x’ġara b’informazzjoni sensittiva u għandu d-dritt għal rimedju immedjat u pjan kredibbli li jerġa’ joffri fiduċja fil-mod kif tiġi trattata l-informazzjoni personali.
//= $special ?>

