Id-diskussjonijiet dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2028-2034 jinsabu f’fażi mill-aktar delikata hekk kif l-istituzzjonijiet ewlenin qed ifittxu bilanċ bejn rieda li l-Unjoni Ewropea tinvesti aktar fil-programmi tagħha u x-xewqa ta’ bosta Stati Membri li jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali lejn l-istess baġit.
Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-baġit għas-seba’ snin li ġejjin, jew kif inhu magħruf, il-Qafas Finanzjarju Multiannwali, hi bbażata fuq allokazzjoni finanzjarja ta’ kważi żewġ triljun ewro. Filwaqt li din iċ-ċifra tfisser żieda fuq il-baġit ta’ qablu, meta tqis li dan jinkludi ħlasijiet lura għall-fond ta’ rkupru ta’ wara l-COVID, l-allokazzjoni attwali filfatt tfisser tnaqqis.
Il-baġit imressaq mill-Kummissjoni Ewropea huwa mmirat lejn aktar flessibbiltà, hekk kif jaqta’ numru ta’ programmi, jintroduċi mekkaniżmu għal żminijiet ta’ kriżi u jfittex li jirriforma fondi fis-setturi ta’ koeżjoni, sajd, agrikoltura, politika soċjali u l-migrazzjoni permezz ta’ pjanijiet nazzjonali għal kull Stat Membru.
Il-Parlament Ewropew esprima lilu nnifsu bħala diżappuntat b’dawn il-proposti, bil-Membri Parlamentari Ewropej (MPE) jgħidu li ddin l-allokazzjoni “mhix biżżejjed biex l-Ewropa tilħaq l-isfidi tagħha”. Dan wassal biex fl-aħħar jiem, il-Kummissjoni, konxja mill-pożizzjoni tal-MPE, jidher li offriet numru ta’ konċessjonijiet, b’mod partikolari fejn jidħol għajnuna għall-qasam agrikolu u l-fondi reġjonali.
Minkejja dan, hekk kif id-diskussjonijiet jilħqu l-qofol tagħhom f’dawn il-jiem, is-sitwazzjoni għadha mill-aktar delikata. Fuq naħa, il-Kummissjoni qed tfittex aktar aġilità, simplifikazzjoni u investiment strateġiku fil-futur tal-Unjoni, filwaqt li l-Parlament irid aktar ambizzjoni, kontroll fuq id-deċiżjonijiet baġitarji u ħarsien tal-pilastri tradizzjonali tal-UE, bħall-koeżjoni u l-agrikoltura. L-MPE għamluha ċara li huma lesti li jużaw “is-setgħat kollha mogħtija lilhom” biex jiżguraw li l-baġit jirrispetta l-ambizzjoni u l-kontabilità.
It-Tnejn li għadda, il-bidliet kienu diskussi f’laqgħa bejn il-mexxejja tat-tliet istituzzjonijiet, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropew, Roberta Metsola, President tal-Parlament u Mette Frederiksen, Prim Ministru tad-Danimarka, f’isem tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.
F’post fuq il-pjattaforma soċjali X, il-President tal-Parlament Ewropew iddeskriviet il-konċessjonijiet riċenti tal-Kummissjoni bħala “pass tajjeb ‘il quddiem”, iżda żiedet li għad hemm ħafna xogħol xi jsir
//= $special ?>

