Futbol Sport

Il-Finlandiżi konxji mill-preġji tal-Maltin iżda jridu rebħa akkost ta’ kollox

Jacob Friis
Jacob Friis

Jacob Friis jaf li l-uniku possibiltá, li b’xi mod jew ieħor il-Finlandja jirnexxilhom jisfurzaw il-play-offs għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla hu billi jiksbu t-tliet punti kontra Malta. Draw tkun traġedja. Telfa għall-Finlandiżi f’dan il-mument, tkun l-akbar falliment.

Mhux għaliex l-avversarji tagħna mhux jirrispettaw lit-tim Malti, anzi fil-konferenza stampa ta’ qabel il-partita, il-kowċ Daniż tal-Finlandja tkellem fil-pożittiv dwar Malta, iżda għaliex jekk in-Nordiċi jridu jibqgħu b’ċans, li fll-veritá hu remot, li jiksbu post fil-play-offs, bilfors iridu jirbħu, anke kieku l-avversarji tagħhom kienu se jkunu l-aqwa tim fil-grupp.

“Malta hu tim li jħobb jilgħab bil-ballun. Għandhom individwi b’kwalitajiet tekniċi mill-aqwa u li jeħtieġ li naraw li dawn jkunu esklużi mil-logħba,” qal waqt il-konferenza stampa ta’ lejlet il-partita ta’ kontra Malta, kowċ Friis.

Id-Daniż ta’ 48 sena, ilu fit-tmexxija teknika tal-Finlandja minn Jannar li għadda u quddiem il-ġurnalisti lokali, tkellem dwar l-importanza li jkunu huma li jamministraw il-partita, u jiddettaw l-intensitá tal-partita, kif u x’ħin iridu huma.

“Jeħtieġ li nkunu kapaċi nilgħabu partita b’intensitá għolja kemm meta jkolna l-ballun f’saqajna kif ukoll meta nkunu qed niddefendu,” żied jgħid Friis.

Għall-kontra tal-kowċ tal-Litwanja, li meta ġie biex jilgħab kontra Malta, il-mod ta’ kif tkellem dwar il-Maltin kien nieqes mir-rispett u naqas milli jirrikonoxxi t-tajjeb tal-avversarju (u llum jaf li dan kien żball kbir għax fid-darbtejn temm draw u fl-aħħar partita kellu jkun penalty ineżistenti li salvalu ġildu minn telfa kontra Malta), Friis fakkar kif f’Marzu li għadda, il-Finlandja rebħet kontra Malta f’Ta’Qali b’gowl waħdini, iżda l-Maltin ma kienux wisq ‘il bogħod mill-gowl tad-draw.